Lokali

Sospensjoni ta’ uffiċċjal tal-Gvern dwar tixħim fix-xiri taż-żejt

Dalgħodu l-Gvern permezz ta’ stqarrija ħabbar li l-uffiċċjal tal-Gvern, l-Inġinier Godwin Sant ġie sospiż minn xogħolu b’mod immedjat. Godwin Sant ġie sospiż wara dettalji li ħarġu fil-gazzetta MaltaToday b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-każ ta’ tixħim fix-xiri taż-żejt.

Preżentament Godwin Sant kien qed jaħdem fi ħdan is-Sustainable Energy and Water Conservation Unit. Filwaqt li qabel kien jaħdem bħala direttur għar-regolazzjoni tal-ilma u kien anke uffiċjal dwar il-politika tal-pajjiż fuq l-enerġija.

Is-sospensjoni ta’ Sant ġiet wara rapporti fil-media li jgħidu li l-istess Sant aċċetta rigali mill-kumpannija taż-żejt Trafigura f’April tal-2009.

Jirriżulta, skont dak ippublikat fil-MaltaToday, li Godwin Sant kien iżomm lil George Farrugia infurmat dwar l-aħħar żviluppi li kien ikun hemm dak iż-żmien. Ġie żvelat ukoll li George Farrugia kien bgħat anke xi biljetti lil Godwin Sant għal logħba football li kienet intlgħabet fi żmien li Godwin Sant kien fl-Ingilterra.

Fl-2013 George Farrugia kien ingħata maħfra Presidenzjali dwar il-każ ta’ tixħim fix-xiri taż-żejt. Maħfra li dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jkun qed jikkunsidra jekk tiġix irtirata.