Chanelle – it-tfajla determinata quddiem l-isfida tal-marda tal-kanċer, it-tfajla li baqgħet pożittiva quddiem l-isfidi tal-ħajja, it-tfajla li matul ħajjitha kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna.
Il-Ħadd waranofsinhar, fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar, ingħatat l-aħħar tislima lil Chanelle – li mietet ħabta u sabta fl-eta ta’ 22 sena wara li kienet rebħet il-ġlieda tagħha kontra l-kanċer.
Il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar kienet mimlija bi qraba u ħbieb li sellmu għall-aħħar darba lil Chanelle – il-bint tant għażiża, il-ħabiba tant maħbuba. Preżenti wkoll għall-funeral il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Chanelle kienet ħadet l-aħbar li għandha kanċer f’sidirha sena u tlett xhur ilu iżda wara li ħadet it-trattament neċessarju kienet rebħet il-ġlieda tagħha kontra din il-marda qerrieda.
Fl-aħħar jiem, Chanelle kellha wkoll l-opportunità żżur Livigno. Hi qattgħet erbat’ijiem hemmhekk u ġiet lura Malta il-Ħamis fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.
Ħbieb ta’ Chanelle spjegawlna li nhar il-Ħamis hija kienet kuntenta ħafna wara ż-żjara tagħha f’Livigno. Iżda ftit wara qalet lill-familja tagħha li bdiet tħossha mingħajr saħħa u l-familja ingħatat il-parir biex tieħu lil Chanelle l-Isptar fejn imbagħad tilfet il-glieda taghha mal-mewt nhar il-Ġimgħa fl-erbgħa ta’ filgħodu.
Aħna nsellmu l-memorja ta’ Chanelle li żgur tibqa’ mfakkra għad-determinazzjoni u l-pożittivita tagħha quddiem l-isfidi li taf toffri l-ħajja.
//= $special ?>