Lokali Parlament

125 persuna jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Pawl il-Baħar

Fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Pawl il-Baħar, in-Naxxar u l-Mellieħa, hemm 166 persuna li fil-preżent iridu jiffirmaw skont il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti b’rabta mal-għoti tal-libertà proviżorja. L-akbar numru ta’ persuni li jridu jiffirmaw hu fl-għassa tal-Qawra.

Dan jirriżulta minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, li staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta’ persuni li jridu jiffirmaw fl-għasses imsemmija u b’liema frekwenza trid issir din il-firma fl-għasses rispettivi.

Mill-informazzjoni li ta l-Ministru Carmelo Abela, jirriżulta li fl-għassa tal-Qawra, fil-preżent imorru 125 persuna jiffirmaw, li 34 minnhom iridu jiffirmaw kuljum; ħamsa jiffirmaw darbtejn kuljum; 19 darbtejn fil-ġimgħa, 23 tliet darbiet fil-ġimgħa; persuna erba’ darbiet fil-ġimgħa; u persuna oħra darbtejn fix-xahar.

Fl-għassa tan-Naxxar hemm 38 li jiffirmaw, li sebgħa jiffirmaw darba kuljum; 13 darba fil-ġimgħa; tlieta tliet darbiet fil-ġimgħa; u disgħa darbtejn fix-xahar.

Fl-għassa tal-Mellieħa huma tlieta li fil-preżent iridu jiffirmaw, li tnejn minnhom jiffirmaw darba fil-ġimgħa u persuna oħra darbtejn fil-ġimgħa.