Lokali Parlament

Ebda riżultati mill-Gvern Laburista fit-tfittix għaż-żejt

Jammetti li hu diffiċli li l-Gvern isib min jinvesti fl-industrija taż-żejt

Mill-elezzjoni ‘l hawn ma kienx hemm riżultati fl-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass f’pajjiżna minkejja li s-sena li għaddiet sar tħaffir ta’ bir li r-riżultat ma kienx pożittiv.

Il-Gvern ammetta fil-Parlament, li s-sitwazzjoni tal-prezz taż-żejt mhix tgħin u li hu diffiċli li l-Gvern isib min jinvesti fl-industrija taż-żejt.

Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien jiddikjara u jwiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni meta saħansitra kien qal li jaf fejn Gvern Laburista għandu jħaffer għaż-żejt, u li kien ċert li jsib iż-żejt.

Dan ammettih fil-Parlament il-Ministru responsabbli mill-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass, Joe Mizzi, meta wieġeb mistoqsija tax-Shadow Minister Marthese Portelli.

Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern irċieva żewġ applikazzjonijiet għal liċenzji ta studji esploratorji u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet.

Fisser ukoll li minħabba s-sitwazzjoni internazzjonali fil-prezzijiet taż-żejt, bħalissa mhux faċli ssib min jinvesti f’dan il-qasam minħabba r-riskju li hemm konness mal-esplorazzjoni taż-żejt.