Editorjal

Editorjal: Konsistenza dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, imma bl-għażla speċifika tal-poplu

Fil-11 t’April se jsir referendum abrogattiv dwar id-deroga importanti miksuba minn Gvern Nazzjonalista fin-negozjati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan ir-referendum hu msejjaħ skont il-liġi mgħoddija minn Gvern Nazzjonalista wkoll wara li nġabru l-firem meħtieġa skont il-liġi.

Pożizzjonijiet ċari u konsistenti

Nhar is-Sibt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel il-pożizzjoni tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista dwar dan ir-referendum ċari ħafna – pożizzjonijiet ibbażati fuq il-konsistenza kemm dwar id-deroga miksuba minn Gvern Nazzjonalista kif ukoll dwar ir-referendum abrogattiv, dritt mogħti minn Gvern Nazzjonalista.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa waqt li aħna mseħbin fl-UE: kisba tal-Partit Nazzjonalista

Il-kaċċa fir-rebbiegħa – limitata u regolata – kienet kisba importanti ta’ Gvern Nazzjonalista fin-negozjati għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dik il-kisba ewlenija ta’ Gvern Nazzjonalista laħqet bilanċ u qbil wiesa’ tant li l-maġġoranza kienet ivvutat favur is-sħubija u llum min kien kontra s-sħubija jgħid li jaċċettaha.

Difiża b’suċċess tal-kaċċa fir-rebbiegħa minn Gvern Nazzjonalista

Il-Gvern Nazzjonalista mhux biss għamel il-kisba tal-kaċċa fir-rebbiegħa, imma wkoll iddefendieha b’qawwa u b’suċċess. Meta l-Kummissjoni Ewropea ħadet lill-Gvern Malti fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u argumentat li dil-liġi għandha titneħħa, il-Gvern Nazzjonalista talab sagrifiċċju mill-kaċċaturi għal ftit snin biex ikun jista’ jagħmel l-aqwa każ fil-Qorti Ewropea u rebaħ il-kawża.

Kisba oħra ta’ Gvern Nazzjonalista: ir-referendum abrogattiv

Anke r-referendum abrogattiv kisbu għalina Gvern Nazzjonalista li daħħal sistema li biha 10 fil-mija jistgħu jitolbu referendum dwar xi liġi ordinarja ħalli, jekk il-maġġoranza tmur tivvota u tivvota biex tneħħiha, dik il-liġi tispiċċa, anke jekk il-politiċi qabel kienu qablu magħha, la daħħluha.

Fiduċja kbira tal-Partit Nazzjonalista fil-Maltin li tahom drittijiet aqwa

Dan hu t-twemmin kbir tal-Partit Nazzjonalista fid-drittijiet tagħna – mhux id-demokrazija li jitla’ gvern u jagħmel li jrid għal ħames snin – imma d-demokrazija aqwa li fiha bir-referendum abrogattiv li tah Gvern Nazzjonalista l-poplu jgħid lill-politiċi x’għandhom jagħmlu u mhux il-politiċi jgħidulu x’għandu jagħmel.

Kompletament konsistenti li jkun favur il-kaċċa limitata, regolata u infurzata…

Mela Simon Busuttil – li kien imdaħħal personalment fin-negozjati biex dħalna fl-Unjoni Ewropea – hu għalkollox konsistenti li jkun favur il-kaċċa limitata u regolata fir-rebbiegħa li nkisbet u twettqet sakemm dam il-Gvern Nazzjonalista – issa biss hi mhedda – u favur id-dritt fundamentali mogħti minn Gvern Nazzjonalista li l-Maltin ikunu jistgħu jitolbu vot biex ineħħu xi liġi li l-Partit Nazzjonalista jaqbel magħha.

… u favur id-dritt tal-poplu li jgħid lill-politiċi x’għandhom jagħmlu

Dan hu l-bilanċ u l-moderazzjoni fil-ħsieb li dejjem wera l-Partit Nazzjonalista anke fuq il-kwistjoni tal-kaċċa, bilanċ u moderazzjoni li qed jisseddqu bil-konsistenza li wera Simon Busuttil nhar is-Sibt.