Lokali Qorti

Iben Austin Gatt jirbaħ kawża għad-danni ta’ One News

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, ordnat lill-istazzjon tal-Partit Laburista biex iħallas kumpens ta’ €1,500 lil iben l-eks Ministru għat-Trasport Austin Gatt wara li l-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon instabet ħatja li aħbar irrappurtata minnha kienet libelluża u malafamanti.

L-aħbar kienet ixxandret fuq ir-radju tal-Partit Laburista fl-20 ta’ Jannar ta’ tliet snin ilu. Fuq l-istazzjon immexxi minn Kurt Farrugia, illum Kelliem Uffiċjali tal-Prim Ministru, kien ingħad li meta Austin Gatt kien ħa f’idejh it-tmexxija tal-kampanja elettorali tal-PN, ibnu Gege Gatt kien qiegħed jgħin biex ikunu kkordinati l-attakki fuq l-internet kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien Kap tal-Oppozizzjoni.

Fl-istess aħbar kien ingħad li Gege Gatt kien waqqaf numru ta’ kumpaniji tat-teknoloġija, fosthom Icon u Muovo, li kellhom ammont qawwi ta’ xogħol f’medda qasira ta’ żmien. Ingħad ukoll li Gege Gatt kien qed jiġi imbuttat biex ikun is-Segretarju Ġenerali tal-PN wara l-elezzjoni ġenerali meta jispiċċa l-Avukat Paul Borg Olivier.

Il-Qorti tat raġun lil Gege Gatt li din l-aħbar kienet malafamanti u libelluża. Fl-istess waqt, il-Qorti ma sabet xejn ħażin dwar dak li ngħad fir-rigward tal-kumpaniji ta’ Gege Gatt, li kienu rebħu kuntratti tal-Gvern wara l-pubblikazzjoni tar-rapport.

Il-Qorti ma qablitx fuq dak li qal Kurt Farrugia, li dan kien kollu “fair comment” u għalhekk ordnatlu li jħallas is-somma ta’ €1,500 f’danni.