Lokali

Ikomplu jiżdiedu l-vetturi fit-toroq Maltin

Sal-aħħar tas-sena li għaddiet, in-numru ta’ vetturi liċenzjati għat-toroq Maltin tela’ għal 335,249.

Dan ifisser li fi tliet xhur, in-numru ta’ vetturi fit-toroq Maltin tela’ b’2,794 jew bi ftit inqas minn 1%, waqt li fuq sena, in-numru tela’ bi 12,289 vettura.

Statistika ppubblikata llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li mit-total ta’ 4,782 liċenzji ġodda fl-aħħar kwart tas-sena, 3,858 kienu għal karozzi tal-passiġġieri li minnhom, 2,767 kienu għal karozzi mhux ġodda. Kien hemm 449 mutur li nħarġulhom liċenzji ġodda.

Bejn Ottubru u Diċembru, kien hemm 2,090 vettura li ġew garaxxjati, 702 li ġew skrepjati u 48 vettura oħra li ġew esportati.

Il-parti l-kbira tal-vetturi fit-toroq Maltin sa Diċembru kellhom magna petrol, 203,180 vettura, waqt li 131,005 vettura oħra kellhom magna diesel.

L-istatistika tikkonferma li għal darb’oħra, l-iktar li kien hawn fit-toroq Maltin kienu karozzi tal-passiġġieri, li sa Diċembru kienu jammontaw għal 265,950. Kien hawn ukoll 47,281 vettura kummerċjali u 1,789 bejn karozzi tal-linja, minibuses u coaches privati. Kien hawn ukoll 18,400 mutur u 1,829 vettura li tintuża għal skopijiet agrikoli.