Parlament

Il-Gvern se jiddiskuti l-Enemalta fil-Parlament mingħajr ma jippubblika d-dokumenti relatati

Il-Gvern se jibqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jiddibatti l-mozzjoni dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta nhar l-Erbgħa li ġej mingħajr ma laqa’ l-appelli u t-talba tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern jippubblika d-dokumenti meħtieġa b’rabta mal-ftehim iffirmat mal-kumpanija tal-istat Ċiniż, Shangai Electric.

L-Oppożizzjoni nsistiet illejla fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li l-Gvern għandu jgħid kemm il-ftehim ġie ffirmat, u kemm minnhom ma jistgħux jiġu ppubblikati.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, qal li l-Oppożizzjoni ilha titlob dan lill-Gvern, iżda s’issa dan il-Gvern għadu m’għamlux.

Fisser li l-Oppożizzjoni talbet posponiment tad-dibattitu biex il-Gvern jirrealizza li jekk irid dibattitu serju, jippubblika l-ftehim neċessarji filwaqt li ma jiġux ippubblikati ċertu klawsoli sensittivi kummerċjalment.

Mario de Marco staqsa għal darb’oħra lill-Gvern jgħid kemm ġew iffirmati ftehim u kemm minnhom huma kummerċjalment sensittivi. Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-Gvern diġà ppubblika dak li ried jippubblika, u issa se jkun qed jiddiskuti l-Enemalta nhar l-Erbgħa li ġej.

Quddiem din l-insistenza tal-Gvern li baqa’ jgħid li jrid id-dibattitu nhar l-Erbgħa li ġej, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius irrimarka li l-Oppożizzjoni mhix qed taqbel mal-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern li jiddiskuti l-mozzjoni dwar l-Enemalta mingħajr ma l-Gvern qed jilqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni għall-informazzjoni meħtieġa biex isir id-dibattitu.