Lokali

Il-Kap tal-Fostering jitneħħa – il-ġenituri diżappuntati

John Role, Foster Care Team Leader fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ tneħħa mill-kariga tiegħu.

Dan is-sit jinsab infurmat li Role ngħata din l-aħbar fl-aħħar jiem fejn ġie avżat biex jibda jirraporta post ieħor.

Kien propju Role li beda l-fergħa tal-fostering fi ħdan l-Appoġġ lura fl-1996. Matul dawn is-snin hu ħadem bla heda mal-ġenituri u t-tfal.

Din l-aħbar qajmet diżappunt kbir fost il-familji tal-fostering, tant li kienu ħafna dawk li fl-aħħar sigħat ikkuntattjaw lil dan is-sit biex jilmentaw minn din id-deċiżjoni.

Huma ddeskrivew lil Role bħala bniedem uniku fis-settur tal-fostering f’Malta mhux biss għall-kapaċitajiet tiegħu imma wkoll għall-esperjenza u dedikazzjoni twila f’dan ix-xogħol.

Wħud mill-ġenituri spjegaw ukoll li Role ħafna drabi hu l-uniku kenn tal-ġenituri tal-fostering f’kwistjonijiet diffiċli. Dan anke’ għaliex għal Role m’hemmx ħinijiet u kien dejjem disponibbli saħansitra anke’ fi tmiem il-ġimgħa u f’ħinijiet tard bil-lejl għaliex hu dejjem fl-interess tat-tfal.

Dwar dan il-każ ikkummentat ukoll il-blogger Josanne Cassar li fuq il-blog tagħha qalet li l-Ministru Michael Farrugia jmissu jistħi jħalli xi ħaġa bħal din tiġri, u li din id-deċiżjoni għandha tinbidel mill-iktar fis possibbli għaliex ma tista’ ssib l-ebda raġuni għala ttieħdet.