Lokali Parlament

Il-Ministru Joe Mizzi jibqa’ ma jgħidx meta se jitlesta l-Parlament il-ġdid

Il-GHRC tgħid li l-pjan hu li x-xogħol jitlesta kollu sa Marzu li ġej

Il-Ministru Joe Mizzi ma riedx jagħti data meta se jkun lest il-proġett tal-bini l-ġdid tal-Parlament minkejja li fi preżentazzjoni li ngħatat fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra mill-Korporazzjoni għar-Riġenenrazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), intqal li t-timelines huma li sal-aħħar ta’ Marzu l-kuntratturi jgħaddu l-bini kollu lill-GHRC li hi fdata mill-proġett tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt.

Il-pjan li jitlesta sa Marzu li ġej, ikun ifisser li x-xogħol jitlesta madwar sitt xhur tard mill-miri tal-Gvern. Fis-sajf tas-sena l-oħra, il-Ministru MIzzi kien iddikjara li x-xogħol marbut mal-proġett kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru, tant li kienet ukoll tfasslet id-data tal-inawgurazzjoni, għat-12 ta’ Ottubru li għadda.

Mill-informazzjoni li ta llejla l-President tal-GHRC, Stefan Zrinzo Azzopardi, lill-Kumitat dwra ix-Xogħol tal-Kamra, jirriżulta li hu mistenni li fil-bidu ta’ Frar il-kuntratturi jibdew jgħaddu z-zoni tal-binja lill-GHRC.

Tfisser ukoll li t-total completion tal-proġett hu pjanat li ssir sal-aħħar ta’ Jannar, u mis-7 ta’ Frar jibdew għaddejjin iz-zoni mill-kuntratturi lill-GHRC, biex ikun jista’ jsir iċ-ċaqliq u jsir it-testing u l-commision.

Għall-mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco lill-Ministru Joe Mizzi biex jgħid meta l-proġett tal-Parlament il-ġdid se jkun lest u jkun jista’ jagħmel il- handover tal-bini l-ġdid lill-Ispeaker, il-Ministru Mizzi rrifjuta li jgħid meta, jew jagħti indikazzjoni. Mario de Marco fisser dan l-aġir tal-Ministru Mizzi bħala irresponsabbli u nsult lejn is-Sedja u l-Parlament.

Il-Ministru Mizzi qal li qed ikun kawt u ma jistax jagħti dati, u li se jkun qed jagħmel hu dak li jassigura li jsir ix-xogħol u li jinżammu d-dati. Qal ukoll li jekk ma jintlaħqux id-dati, il-kuntratturi jbatu d-deterrent. Qal ukoll li mhux se joqgħod fuq il-kelma tal-kuntratturi.

Irrimarka wkoll b’ton sarkastiku, li jekk ikun hemm insitenza, il-bini jista’ jibda jgħaddih lis-Sedja kif inhu mix-xahar id-dieħel, bl-Ispeaker Anġlu Farrugia jirrimarka li l-Parlament jingħata lis-Sedja meta jkun kollox kummissjonat.