Lokali

Il-poplu Malti jsofri l-falliment ta’ Joseph Muscat

Il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas għall-falliment tal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn jidħlu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Qalet dan ix-Shadow Minister Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet, li spiċċat ftit tal-minuti ilu.

Marthese Portelli spjegat kif il-poplu Malti qed iħallas l-ogħla prezzijiet tal-fuels fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea … prezz ogħla minn meta il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt kienu ferm anqas milli huma llum.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi appella biex il-Gvern Laburista ikun trasparenti, skont il-wegħda ewlenija tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Hu staqsa għaliex il-Gvern ta’ Muscat ma jridx jippubblika l-kuntratti tal-hedging, filwaqt li staqsa jekk ir-raġuni hijiex għax fil-verità hemmx hedgin jew le.

Staqsa li jekk hemm, u allura l-hedging mar ħażin, min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà għal dan il-falliment.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Jason Azzopardi innota li kuntrarju għall-passat, l-MCESD mhijiex qed titkellem dwar din is-sitwazzjoni preżenti, għalkemm spjega li l-MCESD jaħdem biss skont kemm iħallih il-Gvern tal-ġurnata. Sostna li wasal iż-żmien li l-MCESD jiddiskuti din is-sitwazzjoni, li f’nofsha hemm il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.