Lokali

Knisja Maltija li tkompli tistenna

Ikolli nistqarr li issa l-Knisja Maltija ilha ftit tax-xhur mhux ħażin tistenna t-tħabbira ta’ Arċisqof ġdid li se jkun qiegħed imexxi d-Djoċesi Maltija wara li t-tmun kien f’idejn Pawlu Cremona op.

Forsi hu normali li djoċesi tistenna daqstant biex jinħatrilha Ragħaj ġdid? Jew forsi hemm xenarji u argumenti oħra li qed ikunu mgħarbla fid-dettall bejn l-ogħla awtoritajiet tal-Knisja Maltija, in-Nunzjatura u l-Kuriduri tal-Vatikan qabel l-għażla ta’ min se jmexxi ‘l-merħla Maltija fis-snin li ġejjin?

Hu x’inhu l-punt l-għażla nemmen li għandha tikkunsidra fuq kollox mexxej fil-veru sens tal-kelma… bl-Ingliż Leader. Leader kif inhu l-Papa Franġisku li ma jiddejjaqx imur kontra l-kurrenti u jterraq ‘il quddiem. Ma jiddejjaqx jipprietka tagħlim li forsi ma jinżilx tajjeb ma’ min dara b’tagħlim ieħor ta’ konvenjenza u kompromessi. Ma jiddejjaqx jitħallat mal-fqir, mal-batut u ma’ dawk li waqgħu lura fis-soċjetà. Ma jiddejjaqx jitbiegħed mix-xenxilli, il-kuluri u l-pożi. Fuq kollox ma jabdika qatt mir-responsabbiltajiet tiegħu!

Papa li fuq kollox ma jiddejjaqx jaqbad il-barri minn qrunu, ipoġġi jdejh fuq il-moħriet, iħares ‘il quddiem u jwassal b’mod dinamiku l-Vanġelu fil-veru tifsira tiegħu skont it-tagħlim ta’ Kristu.

Dan hu dak li għandha bżonn il-Knisja Maltija li b’għafsa ta’ qalb ikolli nistqarr li naraha sejra lura bħall-granċ u b’ritmu mgħaġġel. Għandha ħtieġa ta’ sens urġenti ħafna kif tagħfas il-brekijiet illum qabel għada biex dan il-momentum lura ma jibqax għaddej qisu xejn.

Nemmen li sitwazzjoni bħal din tista’ tavvera ruħha biss kemm-il darba jkollna Arċisqof konkret li jkun kapaċi jindirizza l-problemi veri li qed tħabbat wiċċha l-Knisja llum u jassigura li ma tibqax iħħajġekjata minn erba’ persuni. Arċisqof li iva jisma’ u jiżen il-pariri ta’ madwaru, iżda finalment ikun hu li jiddeċiedi u jidderieġi.

Jiddispjaċini nikteb b’dan it-ton iebes. Imma jekk irrid inkun ġenwin hekk naħseb li l-Knisja tagħna tista’ terġa’ tibda ssir rilevanti għaż-żminijiet ta’ llum.

Il-Knisja Maltija għandha bżonn kennies ta’ veru; bniedem li ma jiddejjaqx jiżbor… fuq kollox leader li lkoll kemm aħna nistgħu nirrelataw miegħu għax ikisser il-klikek, jinfed fil-qxur iebsa u jmur għas-sustanza tal-Imħabba. L-umiltà u l-prudenza waħidhom mhux dejjem huma kwalitajiet biżżejjed biex tmexxi djoċesi. Il-ħtieġa tal-id iebsa mwieżna u mserrħa fuq l-għaqal u l-għerf huma indispensabbli.

Fi tmiem is-seba’ vjaġġ
Matul il-jum tal-lum il-Papa Franġisku jirritorna fil-Vatikan wara żjara pastorali ta’ ġimgħa li l-ewwel ħaditu fi Sri Lanka u mbagħad kompliha fil-Filippini.

Żewġ destinazzjonijiet introdotti minn Papiet oħra. Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II żaruhom fl-1970, fl-1981 u fl-1995. Jiġifieri dak li għamel il-Papa Franġisku matul il-ġimgħa li għaddiet kien li mexa fuq il-passi ta’ dawn il-predeċessuri tiegħu… iżda f’xenarji differenti.

Fil-każ tas-Sir Lanka – fejn hemm dominazzjoni qawwija ħafna ta’ Induisti u Islamiċi – iż-żjara kellha l-iskop li ssaħħaħ il-messaġġ tat-tolleranza bejn ir-reliġjonijiet. Il-kanonizzazzjoni ta’ Padre Vaz, li ħadem qatigħ għall-paċi, bla dubju ta’ xejn kellha messaġġ qawwi ta’ tama għall-Asja u l-kumplament tad-dinja. Nistgħu ngħixu flimkien anki jekk ma naqblux. Nistgħu nieħdu b’idejn xulxin b’mod ġenwin anki jekk ma narawx l-affarijiet bl-istess għajn.

Fil-każ tal-Filippini din iż-żjara saret fuq insistenza mill-Isqfijiet tal-post wara t-tifun ġgantest ta’ sena ilu li ħalla mat-8,000 persuna mejta u aktar minn ħmistax-il miljun persuna oħra jbatu minn dak li ħalla warajh dan id-diżastru naturali li ġab lill-milquta jitkellmu waħidhom.

L-Isqfijiet tal-post riedu l-preżenza tal-Papa bħala sinjal mhux biss ta’ konfort, inkoraġġiment u sostenn, imma anki b’solidarjetà għal dak kollu li għaddew minnu f’dak it-tifun meqjus fost l-agħar fl-istorja tal-bniedem.

Bla dubju ta’ xejn li minn dan il-vjaġġ pastorali importanti jkomplu joħorġu aktar tagħlimiet importanti. Fost l-aktar il-ħtieġa ta’ Knisja li tassew tipprattika l-għeruq u s-sisien tagħha… Knisja li tmur għas-sustanza aktar milli għax-xenxilli, id-duħħan u l-istorbju.

Nemmen li dan id-diskors jgħodd ħafna wkoll għall-Knisja madwarna.

Charlie Hebdo
Fuq ferrovija minn belt għal oħra fl-Italja f’nofs il-ġimgħa l-oħra ltqajt ma’ ġurnalist anzjan u d-diskors waqa’ fuq il-gazzetta Franċiża Charlie Hebdo. Qalli li ma laħaqx kopja minkejja li kienu pubblikati miljuni ta’ kopji. Għedtlu li fil-verità kont bi ħsiebni nixtri kopja filgħaxija meta nirritorna lejn il-lukanda biex ma nagħmilx ġurnata niġri bil-gazzetta f’idi. Qalli li min jorqod ma jaqbadx ħut! Irringrazzjajtu tal-kumpliment!

Imma s-sustanza tal-konversazzjoni kienet din: Qbilna li l-gazzetta Charlie Hebdo kellha għarfien relattiv u ċirkolazzjoni relattiva. Madankollu l-attakk insensat li sar fuqha bl-iskop li jingħalqilha ħalqha wassal biex illum il-ġurnata saru jafu b’Charlie Hebdo ħafna u ħafna miljuni aktar ta’ persuni minn madwar id-dinja kollha.

U qbilna wkoll li l-attakk terroristiku viljakk fuq Charlie Hebdo serva tal-aqwa pubbliċità għal din il-gazzetta! Il-miljuni ta’ kopji stampati għall-ħarġa tal-Erbgħa li għadda nbiegħu kollha meta jien kont għadni qed nixxaħxaħ fis-sodda. L-istess ġara l-għada meta reġgħu kienu stampati aktar kopji. Verament il-każ li min jorqod ma jaqbadx ħut!