Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Sportiva għall-Kaċċa u l-Insib, Albert Camenzuli Monreal, appella lill-kaċċaturi kollha biex joħorġu jivvutaw bi ħġarhom u biex jikkonvinċu iktar nies jagħmlu dan. Saħaq li min ma joħroġx jivvota, ikun qed jgħin biex jinqered dritt ta’ minoranza.
Waqt li bi pjaċir laqa’ d-deċiżjoni tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni li se jivvutaw iva għall-kaċċa fir-rebbiegħa, il-kelliem tal-assoċjazzjoni qal li jemmen fil-fiduċja tal-poplu li se jivvota favur kaċċa legali sostenibbli.
Qal li dan, l-assoċjazzjoni qed tgħidu għax il-poplu jaf illi d-delizzjoni kollha huma minoranzi u jekk ir-referendum jabolixxi l-kaċċa fir-rebbiegħa, “eventwalment ser ikun hemm delizzji oħra li jinqerdu maż-żmenijiet, fosthom id-dilettanti taż-żwiemel, sajd, tan-nar, tal-ħamiem u kull delizzju li jinsab f’minoranza”. Fl-istqarrija ngħad ukoll li “peress li l-elettorat hu żgħir ħafna, għandha tiġi rranġata jew imneħħija l-liġi tar-referendum abrogattiv”.
Fl-istess ħin, Camenzuli Monreal appella lill-kaċċaturi biex ikun xi jkun ir-riżultat tar-referendum, ma jaqgħux għal provokazzjonijiet għax ma jagħmilx ġid lil ħadd.
Qal ukoll li jekk ir-referendum jgħaddi, l-assoċjazzjoni ser tieħu passi quddiem il-Qorti Ewropea biex legalment f’Malta jibqgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet ta’ kull minoranza. Għalhekk ħeġġeġ is-sapport tal-kaċċaturi lejn l-assoċjazzjoni biex din tkun f’pożizzjoni soda biex iġġib dak li, sejħet, hu dritt tagħha. Fl-istess ħin, talab lill-kaċċaturi biex isegwu d-direttivi li se toħroġ l-assoċjazzjoni minn żmien għal żmien tul il-kampanja.
Camenzuli Monreal qal ukoll li l-Assoċjazzjoni Sportiva għall-Kaċċa u l-Insib, iktar ’il quddiem se toħroġ dettalji ta’ mass rallies li se jiġu organizzati f’diversi lokalitajiet għal dawk kollha li għandhom delizzju u li jinsabu f’minoranza.
//= $special ?>