Lokali

L-Ereżija tal-Għasafar, in-Nagħaġ u l-Enerġija Tagħna Lkoll

Fi żmieni ġo Kemmuna kien ikun hawn merħla nagħaġ jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn. Annimal ħlejju n-nagħġa. Ħajja semplici u bla ħsieb. Issegwi u tobdi basta issib fejn timraħ u tnaqqar. Kull tant tagħmel ftit ħoss u storbju imma għal ħafna ħin ma tistaqsi xejn… issegwi u tobdi. #baa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jivvota favur il-kacca fir-rebbiegħa. Ma naqbilx mal-pożizzjoni li ħa. Lanqas xejn. Għax għandi pero’? Il-politika ma hix reliġjon u li jgħidu l-kapijiet tal-partiti ma hix xi dogma. L-iskop ta’ referendum hu proprju li kullħadd jista’ jgħid x’jaħseb u jemmen. Jekk taħseb li il-kacca fir-rebbiegħa ma hix sewwa allura għalxejn tistenna tara x’jaħseb Xmun, Żeppi jew Arnaldu. Sakemm m’intix nagħġa. Imbagħad iva. Jidhirli nagħġa tgħajjat. Int mhux aħjar tivvota flok tgħajjat? #ĦsiebĦieles

Din tad-deroga taħwida nobis. Tant hawn pressjoni u stress li anki l-kapijiet tal-partiti tfixklu. Id-deroga li dwarha qed isir referendum teżisti bħala parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropeja li tapplika ġewwa Malta bħal ma tapplika fil-Finlandja u fil-Portugal. Qed ifixkluha ma deroga oħra li ġiet negozjata minn Fenech Adami dwar l-insib. Fil-każ tad-deroga tar-referendum li se jiġri hu li se nivvutaw biex inneħħu il-liġi li tippermetti lill gvern Malti jiddeciedi meta tidħol fis-seħħ id-deroga. Immaġina qisek qed tissiġġilla il-buttuna li tippermetti li tattiva d-deroga. Il-possibilta’ ta’ deroga hemm tibqa. Li inkunu qed ngħidu hu li l-poplu Malti għażel li aħjar ma tintużax. Bħad-diżerta f’set menu imballat ikel. Qiegħdha hemm, parti mill-prezz imma x’ħin jasal waqtha tgħid “Le grazzi, kafe’ biżżejjed”. #LeGrazzi

Il-gvern Laburista ma jridx li jiġu diskussi il-ftehim dwar l- enerġija. Għamel kull ma felaħ biex jippostponi. L-ewwel ġab skuża li l-Kap Nazzjonalista kien Brussel. Imbagħad meta l-PN qalu li għalxejn tiddiskuti mingħajr ma jkollok il-kuntratti u ftehim x’tiddiskuti ivvinta storja li l-PN ma jridx jiddiskuti. Lanqas it-tfal ta’ l-iskola ma joħorġu bi skużi daqshekk puerili. Ir-roadmaps inħallu ma’ l-aħħar xemx tas-sajf, il-pjanijiet grandjużi tas-Sur Shame On You taru mar-riħ sa’ l-ibgħad kantuniera tac-Cina fejn martu għada taħdem xogħol misterjuż b’paga sinjorili u issa biex tgħaxxaq Malta għada tħallas prezz għoli biex timla t-tank tal-karozza waqt li fil-bqija tal-Ewropa il-prezzijiet roħsu. #TagħnaLkollFieragħ

U fl-aħħar se jneħħu l-artikli tal-kodiżi kriminali li jikkoncernaw il-vilipendju tar-reliġjon. Dawn l-artiklu kienu daħlu fis-seħħ fi żmien ieħor – meta r-reliġjon kellha sehem importanti fil-kwistjonijiet politici. Iktar tard kienu iddaħħlu ukoll emendi li estendew il-vilipendju għal reliġjonijiet oħra li m’humiex dik Kattolika. Illum liġijiet bħal dawn huma inutli. L-offiża pubblika hija koperta minn oqsma oħra tal-liġi u ma hemmx għalfejn tiġi irduppjata. Biex tgħaxxaq huwa diffici ħafna li tiddetermina x’jikkonsisti vilipendju reliġjuż mingħajr ma tagħmel analiżi reliġjuża – u dik it-tip ta’ analiżi ma tikkompetix għal eżekittuv lajk. #Ereżija

Abulafia se jivvota LE fir-referendum dwar il-kacca fir-rebbiegħa. Jittama li l-messaġġ li jitwassal mill-poplu Malti ikun b’saħħtu biżżejjed u li jsib ir-rispett ta’ kull politiku serju li għandu għal qalbu r-rappreżentanza.