Għawdex Lokali Saħħa

L-MUMN tappella lill-Gvern biex jinvestiga abbuż fuq pazjenti Għawdxin

L-MUMN qed tappella lill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi biex jinvestiga dak li l-unjin sejħet “ħtif tas-servizz” tal-kimoterapija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex minn xi konsulenti.

Il-unjin, fi stqarrija, saħqet li minkejja faċilitajiet state-of-the-art li kienu saru mill-Gvern preċedenti fl-isptar f’Għawdex, u minkejja li tobba u infermieri tħarrġu apposta biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tal-kimoterapija lil pazjenti f’Għawdex stess, xi konsulenti qed jirreferu lill-pazjenti Għawdxin għal trattament fl-Isptar Boffa meta jafu li dan is-servizz jista’ jingħata f’Għawdex.

Paul Pace, il-presenti tal-unjin, qal li dan qed jikkawża tbatija żejda lill-pazjenti Għawdxin li f’każ ta’ baħar imqalleb, qed jispiċċaw ikollhom jorqdu f’lukanda f’Malta jew jirrifjutaw li jingħataw it-trattament biex ma jivvjaġġawx bejn il-gżejjer.

Pace saħaq li minkejja li xi konsulenti qed jgħidu li dan qed jagħmluh minħabba s-sigurtà tal-pazjenti, dan mhux isir minn kulħadd waqt li l-konsulenti qed ikunu inkonsistenti.

Akkuża lil xi konsulenti b’għebusija tar-ras, li qed ibeżżgħu għalxejn u li xi wħud mhux iħallu lill-pazjenti Għawdxin jingħataw trattament f’Għawdex apposta minkejja li jafu li l-isptar f’Għawdex jista’ jagħti dan it-trattament.

Akkuża liċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Onkoloġija li, fi kliemu, hu iktar intiż li jakkomoda lill-konsulenti milli l-ħtiġijiet tal-pazjenti minn Għawdex.

Saħaq li s-sitwazzjoni f’Għawdex tant marret għall-agħar li s-servizz tal-kimoterapija ftit li xejn qed ikollu pazjenti ġodda u l-faċilitajiet u t-taħriġ mogħti lill-ħaddiema spiċċa superfluwu. “Dan minħabba l-aġenda moħbija ta’ ċerti konsulenti”, saħaq Pace.

Il-president tal-MUMN temm l-istqarrija billi qal li, jekk se tippersisti t-tbatija għalxejn tal-pazjenti, il-unjin se tippubblika iktar “fatti u ċifri” li għandha f’idejha.