Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNJONI EWROPEA: Lejn aktar koperazzjoni kontra t-terroriżmu

Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, għamlet appell biex ikun hemm alleanza li ma tinkludix biss il-pajjiż tal-UE biex jikkonfrontaw it-theddida tal-militanti Iżlamiċi.
Waqt laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE, Mogherini qalet li din għandha tinkludi pajjiżi Musulmani li magħhom irid ikun hemm koperazzjoni akbar. Hi qalet li jrid ikun hemm aktar koperazzjoni anki bejn il-pajjiżi tal-UE.
Din kienet l-ewwel laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE minn mindu nqatlu 17-il persuna f’Pariġi.
Il-laqgħa qed issir bi tħejjija għal summit dwar it-terroriżmu, li se jsir fit-12 ta’ Frar. Għal din il-laqgħa tal-bieraħ fi Brussell attenda wkoll Nabil al-Arabi, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija. Mogherini qalet li miegħu kien diskuss kif tista’ titkabbar il-koperazzjoni.
Tema li ngħatat ħafna importanza waqt il-laqgħa tal-bieraħ kienet il-problema perikoluża ta’ ċittadini Ewropej li marru jiġġieldu mal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja u li qed jerġgħu lura f’pajjiżhom. Fil-laqgħa ngħatat appoġġ il-proposta għal dik li hi magħrufa bħala ‘Passenger Name Records’, lista dettaljata ta’ dawk li jivvjaġġaw bl-ajru fi ħdan l-UE kif ukoll li jissaħħu l-kontrolli tul il-fruntieri fi ħdan iz-zona Schengen.