Lokali

“Maleficent” l-iktar film imfittex f’Malta fl-2014

Maleficent kien l-iktar film popolari mal-pubbliku Malti matul l-2014.

Id-distributuri tal-films f’Malta, KRS, ħabbru l-lista tal-iktar għaxar films imfittxija mill-pubbliku Malti matul is-sena li għaddiet, kif ukoll il-lista tal-films li l-iktar li ntogħġbu mill-kritiċi lokali.

Il-film 3D ta’ Walt Disney Studios dam jintwera għal 18-il ġimgħa. Sitta mill-10 films ippreferuti mill-pubbliku kienu 3D waqt li film wieħed biss kellu klassifika ta’ età li ma tgħoddx għal tfal ta’ taħt il-15-il sena.

It-tieni l-iktar film popolari kien The Hobbit: The Battle of the Five Armies, li għadu fis-swali taċ-ċinema bħalissa.

The Amazing Spider-man 2 kiseb it-tielet post.

Il-bqija tal-films, f’ordni kronoloġika, kienu How to Train your Dragon 2 (film 3D), The Hunger Games: Mockingjay – part 1, Guardians of the Galaxy (film 3D), Noah, Paddington li għadu fis-swali taċ-ċinema bħalissa, Rio 2 u 22 Jumpstreet li wkoll għadu jintwera.

Tnejn biss, mill-10 films li kisbu suċċess fis-swali Maltin, kienu fost il-lista tal-films magħżula mill-kritiċi.

Interstellar kien, għall-kritiċi, l-aħjar film segwit minn Gone Girl, The Imitation Game u Boyhood.

The Hobbit: The Battle of the Five Armies intagħżel fil-ħames post flimkien mal-film Unbroken.

Fis-sitt post intagħżel il-film 12 years a slave, segwit minn Captain America: Winter Soldier u The Judge.

Fid-disa’ post ġew ikklassifikati The Grand Budapest Hotel u l-film The Wolf of Wall Street waqt li l-għaxar post qasmuha l-films Dawn of the Planet of the Apes u l-film The Hunger Games: Mockingjay – part 1.