Konsistenza
Il-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil dwar ir-referendum tal-kaċċa fir-Rebbiegħa hi deċizjoni ta’ konsistenza – xejn iktar u xejn inqas. Taqbel jew ma taqbilx mal-kaċċa fir-Rebbiegħa, l-fatti huma li kien Gvern Nazzjonalista, u miegħu Simon Busuttil li ġab u ddefenda deroga li tippermetti l-kaċċa limitata u kontrollata fir-Rebbiegha. Busuttil se jivvota favur id-deroga li ġab il-Partit Nazzjonalista stess. Issa l-partiti politiċi ntrabtu li se jieħdu pass lura u jħallu lin-nies jivvutaw bl-iktar mod liberu. Fil-11 ta’ April 2015 il-poplu se jkun fil-libertà kollha li jiddeċiedi jekk iridx li l-kaċċa fir-Rebbiegħa tibqa’ jew tispiċċa.
Id-dinjita’ tal-pazjenti fl-livell baxx
Kull ma jmur qed nisimgħu stejjer xokkanti fis-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, b’mod partikolari fl-Isptar Mater Dei. Nhar il-Ħadd li għadda il-mument irrapurtat kif il-pazjenti fil-kuriduri qegħdin dejjem jiżdiedu kif qed jiżdiedu l-pazjenti mħallta f’żoni komuni minn fejn jgħaddu ħafna nies. Fiż-żjarat li qed nagħmel kuljum fid-djar ukoll qed nisma’ minn dawn l-esperjenzi. Huwa minnu li anke taħt amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm problema ta’ ffullar u pazjenti fil-kuriduri, iżda l-problema jidher li qed tiggrava u dan taħt Gvern li mill-Oppożizzjoni ta’ l-impressjoni li kellu bakketta maġika biex isolvi dawn il-problemi.
L-Air Malta
Fl-aħħar jiem ħarġet l-aħbar li l-Ministru tat-Turizmu, Edward Zammit Lewis ma jeskludix li l-Air Malta tiġi privatizzata. Kull ma jmur qed ikompli jberraq fl-Air Malta u huwa ovvju li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha sfidi kbar mhux biss biex tikkompeti imma saħansitra biex tkampa minn ġurnata għall-oħra. Jekk l-Air Malta tfalli l-ekonomija ta’ pajjizna tieħu daqqa ta’ ħarta kbira. Jeħtieg li din il-kwistjoni ma ssirx ballun politiku. Hemm bżonn strateġija fit-tul jekk irridu li l-Air Malta tibqa’ ttir. Fil-frattemp il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta huwa inċert daqs kemm hu inċert il-futur tal-istess linja tal-ajru.
Vot 16
Il-ġimgħa li għaddiet iltqajt ma’ żagħżugħ li staqsini għaliex jekk hu ingħata l-opportunità jagħżel r-rappreżentanti lokali fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ma jistax ukoll jiddeċiedi jekk f’pajjiżna iridx il-kaċċa fir-Rebbiegħa jew le. Hawn żgħażagħ kaċċaturi li jridu li dan id-dritt jingħatalhom, bħalma żgur hawn żgħażagh ta’ 16-il sena li huma kontra l-kaċċa u jridu jivvutaw. Hu minnu li ż-żewġ partiti politiċi messhom ħasbu aktar kmieni dwar dan ħalli jħejju l-qafas meħtieġ biex dan iseħħ mingħajr problemi iżda l-Prim Ministru kien pront isostni li dan ma jistax iseħħ.
Newsfeed tal-Ħadd
Nhar ta’ Ħadd filgħaxija, flimkien mal-kollega Karl Gouder qed immexxi Newsfeed tal-Ħadd. Esperjenza ġdida u sabiħa fejn flimkien mal-mistiedna tagħna nagħtu ħarsa lejn l-istejjer ewlenin mill-gazzetti tal-Ħadd. Jidher li bħal Newsfeed ta’ matul il-ġimgħa, l-Ħadd ukoll in-nies qed isegwu. Aħna li nkunu ta’ spiss fil-media fid-dover li nwasslu servizz professjonali u kreddibli lit-telespettaturi. Nhar ta’ Ħadd nagħmlu ħilitna kollha biex dan iseħħ.
Man-nies, kuljum
Iż-żjarat li qed nagħmel ta’ kuljum fid-djar tan-nies, bħala kandidata għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fis-Siġġiewi u ta’ l-Elezzjoni Ġenerali fuq is-Siġġiewi, Ħal Qormi u Ħal Luqa, qed ilaqgħuni ma’ esperjenzi differenti u reali li jgħixu l-familji f’pajjiżna. Tabilħaqq li wara kull bieb ta’ dar hemm storja. Mingħand in-nies titgħallem ħafna – tifhem x’inhu li jferraħ u li jnikket; tagħraf aħjar x’inhuma l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Fil-politika ma tista’ qatt tinqata’ minn man-nies għax titlef l-iskop ewlieni li għalih tkun fil-politika jiġifieri li tkun viċin in-nies u għas-servizz tagħhom.