Internazzjonali Kurżitajiet

Misteru dwar rifle ta’ 132 sena li nstab immejjel ma’ siġra f’Nevada

Misteru kbir qed idur mas-sejba ta’ rifle ta’ 132 sena li nstab immejjel ma’ siġra fil-kampanja ta’ Nevada fl-Istati Uniti.

Il-Winchester rifle instab fuq għolja fil-qalba tal-Grand Basin National Park.

L-arkejologi skoprew ir-rifle, li kien manifatturat fl-1882, waqt li kienu qed jagħmlu xi studji.

L-esperti ma jafux fiċ-ċert kemm kien ilu hemm, iżda bil-bażi tiegħu tal-injam nofsha midfuna, u bil-kanna tal-metall, hu possibbli li ħadd ma mess dan ir-rifle għal aktar minn seklu.

Il-ġurnal The Washington Post irrapporta li l-Great Basin kien sit tal-minjieri fiż-żmien li r-rifle kien manifatturat, iżda l-biedja wkoll kienet komuni fiz-zona u li r-rifle seta’ kien użat għall-kaċċa.

Fl-1882, madwar 25,000 rifles tat-tip Winchester kienu manifatturati għall-prezz ta’ $25-il wieħed – indikazzjoni ċara li kien hemm provvista kbira ta’ din l-arma popolari.

L-esperti qed jagħmlu riċerka minn arkivji lokali f’tentattiv biex tkun magħrufa l-istorja tal-arma, li nstabet nieqsa mill-munizzjon f’Novembru.

Ir-rwol prominenti tal-Winchester rifle fl-istorja Amerikana hu rifless fl-użu tiegħu f’serje ta’ films Western ta’ Hollywood, fosthom, Stagecoach bl-attur John Wayne fil-parti prinċipali, u Winchester’73 li fih kien ħadem l-attur James Stewart.