Il-British Gas ħabbret li kienet se tnaqqas il-kontijiet tagħha b’ħamsa fil-mija wara li naqsu l-ispejjeż għall-kumpanija b’rabta mat-tnaqqis li hemm fis-swieq internazzjonali fil-prezz taż-żejt.
Il-British Gas qalet li kull kont kien se jonqos b’medja ta’ 37 lira sterlina. Dan il-pass ittieħed wara li George Osborne, il-kap tal-finanzi tal-Gvern Ingliż, qal li issa li kien raħas ħafna l-prezz taż-żejt, il-kumpaniji tal-enerġija għandhom iraħħsu l-kontijiet. Fil-fatt, Osborne lbieraħ esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-pass tal-British Gas imma qal li hemm bżonn aktar mill-kumpaniji tal-enerġija u li kien se jibqa’ għassa biex jara jekk il-poplu kienx verament qed igawdi mir-roħs fil-prezz taż-żejt.
Il-Prim Ministru David Cameron qal li l-poplu qed igawdi għaliex fil-Gvern m’hemmx il-Partit Laburista Ingliż li ried li l-prezzijiet tal-fuels ikunu ffriżati għal 20 xahar.
Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm kumpanija oħra tal-enerġija, l-E.On, li ħabbret roħs ta’ 3.5 fil-mija fil-kontijiet għall-istess raġuni. Issa hu mistenni li l-erba’ kumpaniji l-oħra tal-enerġija fir-Renju Unit ukoll iraħħsu l-kontijiet fil-ġranet li ġejjin.