Sport

Tinbiegħ anke’ x-xarabank li tittrasporta l-plejers

Il-kriżi tal-klabb Taljan A.C. Milan mhix biss fir-riżultati, bil-klabb jinsab fit-tmien post tas-Serie A, imma wkoll fil-finanzi. Kriżi tant kbira li l-klabb kellu jbigħ ix-xarabank li permezz tagħha l-plejers jittieħdu għall-partiti.

Ix-xarabank inbiegħet għal somma ta’ €150,000 u nxtrat minn kumpanija privata tat-trasport. L-arma tal-klabb se tibqa’ fuq ix-xarabank, madankollu issa se tkun il-kumpanija privata li tipprovdi s-servizzi ta’ din ix-xarabank lill-klabb.

La Repubblica qalet li dan seħħ wara deċiżjoni mis-soċjeta’ li tnaqqas kemm tiflaħ l-ispejjeż operattivi bħala parti minn miżuri ta’ awsterita’.

Madankollu, fi kjarifika bi dritt għar-risposta, is-soċjeta AC Milan qalet li din il-miżura seħħet għax “għażlet li timplimenta poltika ta’ outsourcing ta’ numru ta’ servizzi li mhumiex meqjusa bħala ‘core-operations’. Fost dawn hemm is-servizz ta’ trasport.”

Kompliet li tinsab “konvinta mil-livell ta’ eċċellenza li l-operatur il-ġdid ser jopera fl-għoti ta’ servizz f’dan ir-rigward, u f’servizzi oħra bħal ma huma it-tindif, it-tisjir fir-ristorant u s-sigurta.”

Din l-aħbar kienet żvelata l-ewwel mill-ġurnal La Repubblica, u rrapurtata wkoll mis-sit tal-aħbarijiet ta’ Milan MilanLive.