Internazzjonali

Tkompli tinbidel is-sitwazzjoni fil-Libja

Sinjali mħallta mil-Libja hekk kif l-Armata Libjana taħt il-kmand tal-Gvern ta’ Tobruk iddikjarat waqfien mill-ġlied. Dan wara li gruppi ta’ militanti bbażati fil-Punent tal-Libja għamlu l-istess.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġimgħa ilu f’Ġinevra, fl-Izvizzera bdew it-taħditiet ta’ paċi dwar il-Libja. Taħditiet li bdew fuq nota tajba tant li l-Parlament ibbażat f’Tripli, belt li tinsab fil-kontroll tal-militanti iżlamiċi, issa ħabbar li kien se jattendi wkoll dawn it-taħditiet. Imma biss jekk dawn ikomplu fil-Libja.

Il-Parlament ta’ Tripli, magħruf bħala l-Kungress Ġenerali Nazzjonali, irid li t-taħditiet isiru fil-belt ta’ Ghat. Imma l-indikazzjonijiet huma li n-Nazzjonijiet Uniti ma tant huma ħerqana li t-taħditiet ikomplu fil-Libja.

Hemm suspetti ta’ firda fost il-militanti li jikkontrollaw Tripli. Dan peress li għat-taħditiet ta’ Ġinevra marret biss delegazzjoni minn Misrata u mhux uffiċjali għolja oħra miż-Żerniq Libjan, il-grupp li jikkontrolla Tripli.

Sadattant, minkejja l-allert li hawn bħalissa fl-Ewropa minħabba t-terroriżmu u l-immigrazzjoni llegali, l-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra li ttemm il-missjoni ta’ għassa tal-fruntieri Libjani. Missjoni li hi bbażata f’Tuneż.

L-Unjoni Ewropea issa qed tikkunsidra li minflok tuża l-flus allokati għal din il-missjoni biex tgħin pajjiżi li għandhom fruntiera mal-Libja issaħħu s-sigurta’ kif ukoll il-kapacċita ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar.