Lokali

Aġġornata: Anzjan b’feriti gravi wara li ntlaqat minn karozza tal-linja, il-Gvern qatt ma ta każ l-ilmenti biex ikun evitat inċident bħal dan

Anzjan sofra feriti gravi wara li ttajjar minn karozza tal-linja f’Tal-Pietà, viċin il-fergħa tal-Bank of Valletta. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 12pm fuq il-bus lane il-ġdida li saret fi Triq ix-Xatt tal-Imsida. Jirriżulta li l-anzjan, li għandu 63 sena u hu mill-Gżira, kien ħiereġ mill-fergħa tal-Bank meta ntlaqat minn karozza tal-linja king long, misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn Bormla. Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li ta l-ewwel għajnuna lill-anzjan fil-post qabel ma ttieħed l-Isptar għal aktar kura.

Persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li sfortunatament ilhom jistennew li jseħħ inċident bħal dan. Huma fakkru kif fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, kienu diversi l-protesti, anke bil-miktub, li saru lill-Gvern u lill-Ministeru mmexxi minn Joe Mizzi għax raw li l-karozzi tal-linja jgħaddu wisq viċin il-persuni li jkunu għadhom kif ħarġu mill-fergħa tal-Bank of Valletta. Dan hekk kif it-trejqa fejn ittajjar dan l-anzjan saret b’tali mod li m’għadhiex teżisti bankina li tifred lill-pubbliku fit-triq minfejn qed jgħaddu l-karozzi tal-linja.

Dak iż-żmien, numru ta’ residenti u kumpaniji tal-madwar kienu bagħtu lment bil-miktub lill-Gvern biex jirrevedi l-pjan tiegħu qabel ma twettaq. Madankollu, it-tweġiba tal-Gvern dakinhar kienet biss li r-residenti setgħu jinżammu finanzjarjament responsabbli jekk il-proġett ma jilħaqx isir fiż-żmien opportun minħabba l-ilmenti tagħhom. Ir-residenti tal-madwar li tkellmu magħna staqsew x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern issa li seħħ dan l-ewwel inċident tat-traffiku minn kemm ilha li nbidlet is-sistema tat-traffiku fiż-żona.

Inċident bħal dan isaħħaħ l-argument ta’ min argumenta li l-proġett kellu jinbidel biex ikun aktar sikur. Dan hekk kif, minkejja l-kontroversja li kienet inqalgħet u l-ilmenti minn diversi residenti, il-Gvern baqa’ ma għamel xejn.