Wara l-pressjoni li saret mill-pubbliku u anke mill-Oppożizzjoni, il-Gvern waqqaf it-trasferiment ta’ John Rolé, il-Foster Care Team Leader fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. Fil-jiem li għaddew, Rolé ngħata transfer mill-Aġenzija Appoġġ, b’mijiet ta’ ġenituri jesprimu ruħhom maħsuda minħabba li Rolé jaħdem b’serjetà u b’dinjità.
Aktar kmieni …
It-tneħħija ta’ John Rolé mhijiex fl-interess tat-tfal – il-PN
Il-Kap tal-PN jiffirma l-petizzjoni kontra t-tneħħija ta’ John Rolé
L-aħbar li John Rolé ngħata transfer mill-Aġenzija Appoġġ, fejn kien imexxi s-sezzjoni tal-fostering, intlaqgħet b’ħasda kbira minn mijiet ta’ ġenituri li ħadmu mill-qrib ma’ Rolé u jafu s-serjetà u d-dinjità li jaħdem bihom.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li x-xogħol li kien jagħmel John Rolé hu wieħed delikat u kien jagħmlu mingħajr indħil politiku. Id-deċiżjonijiet kien jeħodhom biss fl-interess tat-tfal. Dawn huma l-attribwiti li għamlu x-xogħol ta’ Rolé bħala suċċess fl-aħħar 19-il sena.
Il-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar sigħat, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iffirma petizzjoni li qed tinsisti biex il-Gvern isalva s-servizzi tal-Fostering u biex John Rolé jerġa’ lura fil-kariga li kellu.
Min-naħa tagħhom, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar esprimew id-dispjaċir tagħhom għall-mod kif ittieħdet din id-deċiżjoni, filwaqt li insistew li l-Gvern ireġġa’ lura din id-deċiżjoni mill-aktar fis possibli għall-ġid tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji li jeħtieġu s-servizzi ta’ fostering.
Fuq facebook il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iffirma l-petizzjoni nsalvaw is-servizz tal-fostering f’Malta u ħeġġeġ il-pubbliku biex jiffirmaw din il-petizzjoni.
//= $special ?>