Il-Gvern ma qabilx li d-dibattitu ta’ għada filgħaxija fil-Parlament jixxandar dirett fuq il-mezzi tax-xandir tat-televiżjoni.
It-talba saret mill-Oppożizzjoni fil-bidu tas-seduta tal-Parlament tal-lejla. Il-Gvern iddikjara li ma jaqbilx.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, talab li d-dibattitu dwar il-kuntratti ffirmati bejn il-Gvern u l-kumpanija tal-istat Ċiniż Shangai Electric, jixxandar fuq it-televiżjoni u rrimarka li l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra lbieraħ stess qabel li fil-Parlament il-ġdid jibdew jixxandru fuq stazzjoni tat-televiżjoni s-seduti tal-Parlament.
David Agius irrimarka wkoll li kieku l-Parlament diġà jinsab fil-bini l-ġdid, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa li ssir din it-talba mill-Oppożizzjoni.
Il-Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia, wieġeb li l-Gvern ma jaqbilx li jidħlu l-cameras tat-televiżjoni għad-dibattitu fis-seduta ta’ għada għaliex qal li s-seduta ta’ għada hi seduta normali, u għalhekk il-Gvern ma jarax il-ħtieġa ta’ dan u ma jaqbilx mat-talba tal-Oppożizzjoni.
Il-Whip tal-Gvern qal ukoll li dwar il-parliamentary channel fil-bini l-ġdid tal-Parlament, il-Gvern qabel biss fuq il-prinċipju.
//= $special ?>