Meta kien b’saħħtu missieri kien kaċċatur tajjeb. Anki ħija l-kbir kaċċatur. Għandi wkoll neputi li jħobb ħafna l-kaċċa. Imma lili l-kaċċa ma tinteressani xejn.
Avolja meta kont żgħir kont imdawwar bi snieter, skrataċċ, sfafar, barżakki u b’aċċessorji oħra li ma kienu jnissluli l-ebda namra. Dan apparti diskursati u rakkonti mimlija passjoni li ġieli segwejt. U minbarra li ta’ spiss kont nara lil ommi tnittef għall-ikel l-għasafar ikkaċċjati, filwaqt li tikkura oħrajn milquta b’xi ċomb li wara kienu jispiċċaw għall-ammirazzjoni f’xi guva jew f’xi ġagga… jekk mhux ukoll ibbalzmati ġo xi vetrina!
Għalija l-kaċċa mhix sport. Nasal biss biex nikkwalifikaha bħala delizzju. Nirrispetta lil dawk kollha li jħobbu l-kaċċa u nammirahom li fl-istaġun tal-passa jqumu kmieni biex jipprattikaw id-delizzju tagħhom. Dejjem, u kemm-il darba, li l-prattika ta’ dan id-delizzju ssir fil-parametri ta’ dak li tgħid il-Liġi li hi ogħla minn kulħadd.
Li xi ħadd jipprattika l-kaċċa billi jaqbeż il-konfini ta’ dak li tgħid il-Liġi u jispara fuq kull ma jgħaddi minn quddiem għajnejh hi inaċċettabbli.
Sinċerament nemmen – u dan nistqarru b’konvinzjoni – li huma l-ftit dawk irresponsabbli li jabbużaw u jagħmlu ħsara billi jisparaw fejn iridu, fuq xix iridu, meta jridu u kif iridu. Dawn il-ftit tajjeb li jkunu ikkontrollati u magħhom il-Liġi għandha tkun applikata b’id tal-ħadid. Għax qed jagħmlu isem ħażin lil pajjiżna, lill-ambjent protett u anki lill-kaċċaturi ġenwini.
Mill-bqija kienet deċiżjoni għaqlija li l-Maltin u l-Għawdxin jitħallew fil-libertà biex fir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa jivvutaw kif iħossu u jixtiequ.
335,249 vettura fit-toroq
Preokkupanti imma veritiera: fit-toroq Maltin hawn total ta’ 335,249 vettura! Minnhom 265,950 karozza tal-passiġġieri. Imbagħad ikun hawn min jgħidlek li l-problema tat-traffiku u t-traffic jams hi perċezzjoni!
Din iċ-ċifra maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li llum hawn fit-toroq tagħna 12,289 vettura aktar minn sena ilu. Imma x’qiegħed jiġri?
Ma konniex nisimgħu ripetutament lill-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni jgħid li kien se jsolvi l-problema tat-trasport pubbliku biex aktar nies jużaw inqas it-trasport privat tagħhom? Illum li ilu mat-22 xahar fil-Gvern, il-Partit Laburista x’għamel biex indirizza b’mod konkret u serju din il-problema?
Jew is-settur tat-trasport pubbliku fl-aħħar xhur tant mar il-baħar li aktar Maltin u Għawdxin qed jitħajru jkollhom il-karozza tagħhom biex jinqdew aħjar? Għax it-trasport pubbliku llum m’għadux servizz affidabbli! Għax bit-trasport pubbliku ma tinqediex kif tixtieq! Għax bit-trasport pubbliku l-ħin li tagħmel tistenna jew tivvaġġa hu tal-biża’!
Fl-isfond ta’ dan kollu sar magħruf li mis-sajf li ġej se jkun hemm żidiet fin-nollijiet tat-trasport pubbliku. Dan minkejja l-wegħdiet elettorali tal-Partit Laburista u d-dikjarazzjonijiet sbieħ fl-aħħar Baġit li l-prezzijiet kollha tat-trasport pubbliku kienu se jibqgħu l-istess.
Fi ftit kliem ħawwadni biex nippruva nifhem!
dieselupetrol.com
Il-Partit Nazzjonalista vara sit elettroniku fejn wieħed jista’ jiċċekkja kemm qed ikollu jħallas aktar meta jixtri d-diesel jew il-petrol. Idea innovattiva tajba u effettiva.
Naturalment il-Gvern Laburista ntlaqat fil-laħam il-ħaj. Meta pajjiżi oħrajn inaqqsu l-prezzijiet tad-diesel u l-petrol biex igawdu aktar in-nies, f’Malta l-affarijiet isiru bil-maqlub – il-prezzijiet jibqgħu fost l-ogħla fl-Ewropa biex id-dħul għall-Gvern ikun akbar! Il-Malti qed jinsteraq viljakkament u l-Gvern, quddiem il-karba tiegħek u tiegħi, jibqa’ indifferenti.
Imma lil hinn minn dan l-argument, il-punt li xtaqt naqsam magħkom hu dwar l-ebusija ta’ ras il-Gvern. Niftakru lkoll tajjeb kif qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ 22 xahar ilu, Joseph Muscat kien jitkellem dwar Gvern Laburista ġdid li jisma’ u jagħti kas kelmet il-poplu u l-weġgħat li kien jitkellem dwarhom il-poplu.
Illum li għaddew ftit tax-xhur mhux ħażin minn meta sar Prim Ministru, ikolli nistqarr li Joseph Muscat ta’ qabel l-Elezzjoni u Joseph Muscat ta’ llum huma żewġ persuni totalment differenti.
Il-probabbiltà hi li qabel l-Elezzjoni kien iġib ruħu mod biex jirbaħ il-fiduċja tan-nies, jikkonvinċi lin-nies u jakkwista l-vot tan-nies. Illum li jinsab fil-Gvern qajla jinteressah minn dan kollu u jagħmel fattih.
L-ebusija ta’ rasu jikkonfermaw dan kollu.
Imma ż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd. U Elezzjoni Ġenerali oħra tasal u n-nies żgur li ma jinsewx dak li jkunu għaddew.
//= $special ?>