Uffiċjal Tekniku tal-MFA qal li għandna clubs f’pajjiżna li jiffinanzjaw l-operat tagħhom biex jimmanipulaw il-logħob u jagħmlu l-imħatri
Id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni David Agius appella lill-awtoritajiet, b’mod partikolari lill-Pulizija, biex jibdew jinvestigaw dikjarazzjonijiet li saru mill-Uffiċjal Tekniku tal-MFA b’rabta ma’ clubs tal-futbol f’pajjiżna li jiffinanzjaw l-operat tagħhom mill-manipulazzjoni tal-logħob u jagħmlu l-imħatri bir-rebħ imur għall-clubs, jew ukoll flus f’buthom.
Dan l-appell sar fil-Parlament waqt l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Diversi Liġijiet kontra Money Laundering u Finanzjar ta’ Terroriżmu, bid-Deputat Nazzjonalista jappella biex dan l-Abbozz japplika wkoll u jkun estiż biex pajjiżna jiġġieled il-korruzzjoni fil-futbol Malti, u biex dan ma jkomplix jinfirex f’dixxiplini oħrajn sportivi.
David Agius irrifera fil-Parlament għal dak li qal l-Uffiċjal Tekniku tal-MFA, meta qal li għandna clubs f’pajjiżna li jiffinanzjaw l-operat tagħhom biex jimmanipulaw il-logħob u jagħmlu l-imħatri.
Irrfera wkoll għad-diskussjoni li saret fil-programm Replay fuq Net TV, fejn intqal li f’sena, huma €500 miljun li jintlagħbu f’imħatri, u mhux €70 miljun, u li jintrebħu €157 miljun f’logħob f’Malta biss.
David Agius appella lil kull min qiegħed f’din l-attività illegali biex iħalli l-futbol Malti. “Hands off”, appella David Agius filwaqt li qal li l-Pulizija għalhekk taf minn fejn għandha tibda tinvestiga.
Semma wkoll li fl-2013 intlagħbu f’imħatri €70 miljun fil-futbol Malti, u dan apparti l-imħatri illegali li jifirxu wkoll lil hinn minn xtutna.
Quddiem it-tweġiba li ta l-Ministru Carmelo Abela din il-ġimgħa, li m’hemmx rapporti lill-Pulizija dwar każi ta’ korruzzjoni fil-futbol Malti, David Agius staqsa jekk hux qed issir l-investigazzjoni fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-uffiċjal tal-MFA, u jekk hux lesti li ninvestu f’min jinvestiga u jiġġieled il-korruzzjoni.
Irrimarka li s-suċċess fil-futbol ma jiġix bil-match fixing, u għaldaqstant appella biex issir l-investigazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet għax issa jafu l-awtoritajiet minn fejn għandhom jibdew. Appella biex ningħaqdu flimkien biex niġġieldu din l-attività ta’ ħasil ta’ flus bejn klabbs.
B’rabta mad-dikjarazzjoni li għamel l-Uffiċjal Tekniku tal-MFA, fil-5 ta’ Jannar li għadda, David Agius qal li ħadd ma argumenta jew ressaq xi sfida għal dak li qal France Tabone.
Appella biex isiru l-invetigazzjonijiet meħtieġa u jingħaqdu flimkien f’din il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport, l-MFA, il-Pulizija, l-Awtorità dwar il-Logħob u l-Lotteriji u l-Gvern, u dan biex naraw li l-futbol Malti jkun logħob li jagħti pjaċir.
David Agius qal ukoll li dan id-diskors u l-appelll tiegħu fil-Parlament, hu avviż tal-bidu lil min qiegħed f’pożizzjoni li jiġġieled il-korruzzjoni, u dan biex it-tfal f’pajjiżna jgawdu l-futbol f’ambjent ta’ sport nadif.
//= $special ?>