Ekonomija Internazzjonali

Ir-roħs fil-prezz taż-żejt se jkabbar l-ekonomija Ingliża bi 2.9%

Ir-roħs ta’ madwar 50% fil-prezz taż-żejt minn kif kien f’Ġunju li għadda, se jfisser li l-ekonomija Ingliża se tikber bi 2.9% fl-2015, żieda ta’ 0.5% fuq l-istimi uffiċjali li kienu saru f’Ottubru u f’Diċembru li għadda.

EY ITEM Club, li hu meqjus fost l-ewlenin għat-tbassir ekonomiku, qal li l-ekonomija Ingliża se tikber iktar milli prevvist minħabba li l-prezz imraħħas taż-żejt se jfisser li n-nies se jkollha iktar flus fil-but. Fl-Ingilterra, il-prezz internazzjonali taż-żejt wassal biex il-petrol mingħajr ċomb niżel fl-irħas livell li qatt kien fl-aħħar ħames snin.

EY ITEM Club qed ibassar li l-istess prezz taż-żejt se jfisser li l-pajjiż se jgawdi fuq diversi livelli. Benefiċċju minnhom hu li r-Renju Unit kollu kemm hu mhux se jkollu inflazzjoni, anzi fl-ewwel xhur tal-2015 se jara l-ħajja torħos. Dan se jwassal ukoll biex il-Bank of England ma jgħollix ir-rati ta’ interessi li kien se jgħolli.
Ir-rapport jgħid ukoll li l-effett pożittiv tal-prezzijiet imraħħsa se jibqa’ jinħass anke fl-2016 għaliex ir-rati ta’ interessi se jiżdiedu biss b’0.5% fir-rebbiegħa ta’ sena oħra, u mbagħad b’żieda baxxa ta’ 0.25% kull tliet xhur fl-2016.

Benefiċċju ieħor mistenni jkun li l-pagi jiżdiedu bi 3.5% fl-2015, u li fil-verità dan se jwassal għal livell ta’ iktar flus fil-but ta’ 3.7%. B’hekk jiżdied ukoll il-konsum mill-familji Ingliżi, b’2.9% din is-sena u b’2.6% oħra fl-2016.

L-adviser prinċipali ta’ EY ITEM Club, Peter Spencer, qal li mhux kull ekonomija se tgawdi mir-roħs fil-prezz taż-żejt imma dik Ingliża żgur li se tmur tajjeb, mill-inqas għal bejn sena u sentejn. Saħansitra rrefera għar-roħs fil-prezz taż-żejt bħala opportunità tad-deheb li se tagħti spinta oħra lill-ekonomija li kienet qed titlef ir-rata li biha kienet qed tirkupra sa ftit ilu.

Il-Kelliem tal-Liberal Democrats għat-Teżor, Danny Alexander, fisser ir-roħs fil-prezz taż-żejt bħala roħs qawwi fit-taxxa. “Il-konsumaturi ħassew il-weġgħa meta l-prezz taż-żejt kien għoli. Hu biss ġust li huma, u l-ekonomija, igawdu l-benefiċċju sħiħ meta l-prezz jorħos”.

Sadattant, il-Konfederazzjoni tal-Industrija fir-Renju Unit iddikjarat li l-bejgħ tal-aħħar tliet xhur fisser l-ikbar ċaqliq fin-negozju fl-aħħar 20 sena. Fissret titjib qawwi fis-settur tas-servizzi finanzjarji li qed iwassal għal ottimiżmu u żieda fix-xogħol.