Ebda lok għal kontroversja iżda armonija u sens ta’ pożittività biex jitwassal messaġġ pożittiv
L-Oppożizzjoni se tkunu qed tagħti r-reazzjoni tagħna fil-ġimgħat li ġejjin għall-abbozz varat mill-Gvern għall-konsultazzjoni dwar il-politika għat-turiżmu għall-2015-2020.
Dwar il-progress ta’ pajjiżna fis-settur importanti tat-turiżmu, u l-politika biex l-industrija turistika tkompli tikber u tissaħħaħ, tkellem fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg fl-ewwel intervent parlamentari tiegħu fil-Parlament bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu.
Antoine Borg, filwaqt li esprima l-apprezzament għal kull min ta u qed jagħti s-sehem tiegħu fil-politika biex inkisbu u qed jinkisbu riżultati tajbin għal pajjiżna, sellem lill-istake holders direttament involuti fis-settur. Irrimarka li l-Oppożizzjoni jimpurtaha mis-settur importanti tat-turiżmu u mill-ħsibijiet u l-issues li jagħmlu lill-istakeholders differenza fl-operat tal-ħidma tagħhom.
Spjega li fil-ġranet li ilu kelliem għat-turiżmu, diġà kkuntattja kemm kien umanament possibbli sabiex jitkellem jew jiltaqa’ biex jistabbilixxi kuntatt biex jifforma bażi għal relazzjoni kontinwa li tkompli ssaħħaħ is-sħubija bejn l-Oppożizzjoni u s-settur.
Id-Deputat Nazzjonalista semma li f’dan is-settur m’hawnx lok għal kontroversja. L-armonija u s-sens ta’ pożittivita trid tirrenja biex pajjiżna jwassal messaġġ pożittiv lil dawk li jridu jżuruh. Irrimarka iżda, li kull fejn l-Oppożizzjoni tara ħjiel ta’ politika li tista’ xxekkel il-progress fil-qasam turistiku, se tkun diretta u iebsa ħafna fil-kritika tagħha, kif għandha d-dover li tagħmel.
Enfasizza fuq l-importanza li Gvern, Oppożizzjoni u l-istakeholders ikunu b’viżjoni komuni. Bi stakeholders, Antoine Borg qal li hu jifhem il-komunità lokali, il-Gvern, l-awtoritajiet flimkien man-negozji u l-operaturi.
Semma l-ewwel il-komunità bhala stakeholder għaliex fisser li sakemm wasal fil-Parlament, ħadem f’komunità, fil-komunità tar-Rabat li trabba fiha u eventwalment ukoll bħala kunsillier. Komunitajiet f’pajjiżna li għandhom x’joffru f’dan is-settur. Irrimarka wkoll li għad m’hemmx biżżejjed apprezzament, fost il-komunitajiet tagħna dwar dak li għandu x’joffri pajjiżna, u saħaq li rridu għaldaqstant infittxu li bejn l-istakeholders ikun hemm impenn, fiduċja u sinerġija.
Fisser li l-pilastri ta’ politika serja fil-qasam tat-turiżmu jridu jkunu mibnija fuq iż-żieda fl-aċċessibbiltà ta’ pajjiżna, kif diġà sar fil-leġiżlaturi preċedenti permezz ta’ ftehim li żiedu s-seat capacity fin-numru ta’ titjiriet u airlines għal pajjiżna; investiment biex inkomplu nsebbħu u nsaħħu l-prodott li għandu x’joffri pajjiżna; u investiment f’kampanji ta’ promozzjoni dejjem iktar serji.
Antoine Borg qal li filwaqt li jemmen li rridu nilqgħu u napprezzaw kif jixraq lil kull turist li jiġi f’pajjiżna, irridu naħdmu biex intejbu l-kwalità tat-turisti biex nattiraw dak it-turist li jkun jixtieq u jrid iżur pajjiżna.
Appella wkoll biex naraw li l-ġid li joħloq it-turiżmu ma jkunx limitat biss għaz-zoni li huma tradizzjonalment marbuta mat-turiżmu , iżda li jinfirex mal-pajjiż kollu – mill-Imdina sa Ħal Safi; mir-Rabat sal-Belt; u minn Buġibba u San Pawl il-Baħar san-naħa t’Isfel ta’ Malta.
Appella wkoll biex nindirizzaw l-istaġjonalità fiż-żmien off peak u fix-shoulder months billi naħsbu f’turiżmu differenti mibni fuq it-turiżmu kulturali; l-eko-turiżmu; l-agri-turiżmu u tipi differenti ta’ akkomodazzjoni.
Il-Kelliem għat-Turiżmu saħaq ukoll li rridu nibqgħu nifhmu li waqt li l-volumi huma importanti għall-operaturi, irridu ma naslux biss sal-kejl kwantitattiv tal-andament tas-suq turistiku, imma li jkollna wkoll attitudini kwalitattiva fil-mod kif nimbuttaw dan is-settur.
Antoine Borg appella għal impenn sħiħ, rieda tajba u komunikazzjoni kontinwa biex nibnu fuq dak li ksibna fis-settur tant importanti tat-turiżmu.
//= $special ?>