Futbol Lokali Sport

Malta mhux se tiffirma l-Konvenzjoni fuq il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi

Malta ma ffirmatx u mhux se tiffirma l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi li għandha l-għan li jkun hemm sforzi konġunti fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni u l-frodi fl-isport.

Dan joħroġ minn tweġiba li l-Ministru Evarist Bartolo ta fil-Parlament għal mistoqsija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li “t-tħassib ta’ Malta huwa relatat mad-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri fil-Konvenzjoni” għaliex skont hu dawn imorru lil hinn mill-għan tal-Konvenzjoni.

Skont il-Ministru Evarist Bartolo, Malta tqis li d-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri u, b’mod partikolari, it-tifsira ta’ ‘illegal sports betting’, huma inkompatibbli mal-liberta’ tas-servizzi u l-liberta’ tal-istabbiliment mħarsa fit-Trattat.

“Huwa għal din ir-raġuni”, kompla l-Ministru Bartolo, “li Malta għamlet talba għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u talbitha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni humiex konsistenti mal-libertajiet u prinċipji imsemmija, li huma garantiti fit-Trattat.”

Fid-dawl ta’ dan il-Ministru Bartolo għamilha ċara li Malta ma ffirmatx u m’għandhiex l-intenzjoni li tiffirma l-Konvenzjoni sakemm id-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri jiġu riveduti jew imħassra.

Minkejja dan, il-Ministru Bartolo qal li “għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MFA sabiex jiġu implimentati fil-liġi l-partijiet tal-konvenzjoni li bħala pajjiż jaqbel magħhom, jiġifieri dawk id-dispożizzjonijiet relatati purament ma’ sport, kriminalita’, u l-qsim ta’ informazzjoni u intelliġenza ma’ awtoritajiet pubbliċi u sportivi oħra barranin biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-match-fixing lokalment u internazzjonalment.”