Lokali Parlament

Min mhux se juża l-iskemi fit-trasport pubbliku se jħallas aktar

Anzjan jaqbillu jiddobba lift mill-Isptar lura lejn id-dar

Il-Ministru Joe Mizzi ma riedx jagħti informazzjoni u dettalji dwar il-prezzijiet tat-trasport pubbliku u l-iskemi li se jidħlu fis-seħħ minn Lulju li ġej, iżda wissa li min mhux se jkun qed jagħmel użu mill-iskemi, se jkun ta’ deterren għalih, u għalhekk se jkun ifisser li jibda jħallas aktar.

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi, fil-Parlament kien qiegħed iwieġeb għal diversi mistoqsijiet supplimentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li staqsa jekk bil-ħlasijiet ġodda għat-trasport pubbliku, persuni u anzjani li jkunu jridu jmorru l-Isptar Mater Dei, hux se jkunu qed iħallsu aktar meta wieħed iqis il-ħin twil li wieħed irid biex jasal sal-Isptar u jirritorna lura.

Il-Ministru Mizzi ma riedx jagħti dettalji u qal biss li l-prezzijiet mhux se jogħlew u li f’Marzu li ġej se tibda kampanja ta’ informazzjoni, anke bieb bieb, dwar il-prezzijiet ġodda tat-trasport pubbliku.

Iżda qal ukoll li l-iskemi se jinkoraġġixxu biex persuna tuża skemi li se jitħabbru aktar ‘il quddiem, u dan biex tkun skoraġġita d-drawwa li titla’ l-karozza tal-linja u tixtri biljett. Għal min se jkun qed jixtri l-biljett minn fuq tal-linja, dan se jkun ta’ deterrent għalih.

Filwaqt li baqa’ ma jagħti ebda ħjiel dwar il-prezzijiet tal-iskemi li kien qed jitkellem dwarhom, spjega li skema waħda hi biex jekk jista’ jkun persuna ma tixtrix biljetti mill-karozza tal-linja dak il-ħin li tkun qed tuża s-servizz.

Qal ukoll fl-ispjegazzjoni, li kienet tant twila li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ġibidlu l-attenzjoni biex ikun konċiż, biex ħadd ma jagħti kas x’qed jingħad u kulħadd jistenna sa Marzu għad-dettalji dwar l-iskemi u l-prezzijiet.

Fl-eżempji li ta, il-Ministru Joe Mizzi qal fl-istess nifs li nsista li l-prezzijiet se jkunu orħos għall-anzjani, li jkun jaqbillu li anzjan jiddobba wkoll lift lura wara li jinqeda mill-Isptar.