Lokali Saħħa

Pazjenta tmut fil-kuritur tal-Isptar Mater Dei

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei laħqet livelli straordinarji, hekk kif matul il-lejl li għadda pazjenta mietet f’wieħed mill-kurituri propju għax il-kurituri mhumiex attrezzati biżżejjed bl-apparat meħtieġ. Dan il-każ kien żvelat mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Claudette Buttigieg qalet li l-anzjana mietet waqt li kienet qed tiġi rikoverata fil-kuritur tal-Emerġenza li jagħti għall-Medical Imaging. L-anzjana mietet minħabba li bħala kuritur, ma kienx hemm l-apparat neċessarju meħtieġ biex tiġi salvata ħajjitha.

Ix-Shadow Minister qalet li dan hu każ serju li m’għandux ikun injorat u li dwaru l-Gvern għandu jagħti spjegazzjoni mmedjata. Sostniet li dan hu każ li juri kemm il-Gvern Laburista qatt ma kellu pjan dwar is-settur tas-Saħħa.

Filwaqt li rrikonoxxiet il-ħidma kbira li jwettqu l-infermiera, it-tobbba u l-professjonisti fl-Isptar Mater Dei, Claudette Buttigieg qalet li fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei kompliet sejra għall-agħar.