Wara li maltarightnow.com ilbieraħ ħareġ l-aħbar li John Role, Foster Care Team Leader fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ tneħħa mill-kariga tiegħu, tnediet petizzjoni msejħa, “Salvaw is-Servizzi tal-Fostering”.
Il-petizzjoni, indirizzata fost ohrajn lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Michael Farrugia, hija ntenzjonata biex “nipproteġu u nsalvaw is-servizzi tal-fostering fl-Aġenzija Appoġġ” billi jieqaf iċ-ċaqlieq bla bżonn ta’ professjonisti speċjalizzati f’dan il-qasam, b’referenza għal John Role’, ċaqlieq li jwassal għal tbatija bla bżonn għal ħafna nies.
Fil-Petizzjoni qed jintalab li s-social worker John Role’ jerġa’ jiġi assenjat lis-servizzi tal-fostering, servizzi li għandhom bżonn l-esperjenza u l-kapaċita’ speċjalizzata tiegħu.
Biex tiffirma l-petizzjoni agħfas fuq dan il-link.
Kien propju Role li beda l-fergħa tal-fostering fi ħdan l-Appoġġ lura fl-1996. Matul dawn is-snin hu ħadem bla heda mal-ġenituri u t-tfal.
L-aħbar li John Role’ tneħħa mill-kariga qajmet diżappunt kbir fost il-familji tal-fostering, tant li kienu ħafna dawk li fl-aħħar sigħat ikkuntattjaw lil dan is-sit biex jilmentaw minn din id-deċiżjoni.
Huma ddeskrivew lil Role bħala bniedem uniku fis-settur tal-fostering f’Malta mhux biss għall-kapaċitajiet tiegħu imma wkoll għall-esperjenza u dedikazzjoni twila f’dan ix-xogħol.
Wħud mill-ġenituri spjegaw ukoll li Role ħafna drabi hu l-uniku kenn tal-ġenituri tal-fostering f’kwistjonijiet diffiċli. Dan anke’ għaliex għal Role m’hemmx ħinijiet u kien dejjem disponibbli saħansitra anke’ fi tmiem il-ġimgħa u f’ħinijiet tard bil-lejl għaliex hu dejjem fl-interess tat-tfal.
Dwar dan il-każ ikkummentat ukoll il-blogger Josanne Cassar li fuq il-blog tagħha qalet li l-Ministru Michael Farrugia jmissu jistħi jħalli xi ħaġa bħal din tiġri, u li din id-deċiżjoni għandha tinbidel mill-iktar fis possibbli għaliex ma tista’ ssib l-ebda raġuni għala ttieħdet.
//= $special ?>