Lokali Qorti

Pulizija jgħid li Sheehan ammetta li kien spara

Membru tal-Korp tal-Pulizija qal fil-Qorti li Paul Sheehan, l-eks xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, ammetta miegħu li kien spara b’arma fid-19 ta’ Novembru għax intlaqtet il-mera tal-karozza tal-eks Ministru Mallia.

F’jum ieħor ta’ kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Sheehan, quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja xehdu diversi pulizija.

Il-Kuntistabbli Sandro Mangion irrakkonta kif dakinhar kien mitlub imur ħdejn il-pixxina nazzjonali għax kienet seħħet sparatura. Fuq il-post ma sab xejn u iktar tard intalab imur fejn il-mina ta’ Triq Reġjonali. Irrakkonta li hawn ra Mercedes li kellha mera mtajra u Vauxhall Insigna fuq loader tal-Pulizija.

Mangion qal li dak il-ħin, hu mar fuq il-Pulizija li kien mal-loader u qallu biex ma jċaqlaqx karozzi imma dan qallu li kellu ordni mill-Kummissarju. Għal dan id-diskors ix-xhud wieġbu li kien hemm ordni mill-Maġistrat. Mangion żied li huwa kellem lil Sheehan fejn dan qallu li kien qed jiekol għand ommu meta sema’ ħoss, ħareġ barra u wieħed mill-ġirien qallu x’ġara. Skont ma qallu l-akkużat, Sheehan ġera warajh u ħin minnhom Stephen Smith niżel mill-karozza bi flixkun tal-ħġieġ f’idu.

Ix-xhud qal li Sheehan ammetta miegħu li spara żewġ tiri fuq il-karozza ta’ Smith u semma’ kif meta marru xi pulizija fuq il-post biex jiġbru l-evidenza, omm l-akkużat tathom biċċa mill-bumper. Qal ukoll li ra żewġ toqob fuq il-karozza Vauxhall, waħda fil-bumper u l-oħra fis-saqaf, imma ma ftakarx jekk il-Mercedes kelliex il-ġenb miġbud.

Xehed ukoll is-Surġent David Sant li spjega kif Smith kellu tliet darbiet il-livell tal-alkoħol permess mil-liġi. Is-Surġent semma’ kif dakinhar tal-inċident hu kien xogħol filgħaxija meta infurmawh bl-inċident. Qal ukoll li fl-għassa ta’ Tas-Sliema hu innota li Smith kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, kellu għajnejh idemmgħu u fid-diskors tiegħu beda jtemtem. Qal li ċempel l-għassa ta’ San Ġiljan biex hemmhekk ikun jista’ jagħmillu t-test tal-breathalyzer.

Xehed ukoll li għalkemm ħadu hemm, Smith baqa’ jinsisti li ma riedx jagħmel it-test anke jekk kien imwissi li din kienet tfisser ammissjoni. Kompla jgħid li wara li tella’ lil Smith lura lejn l-għassa ta’ Tas-Sliema, kien infurmat li l-Maġistrat tal-Għassa kienet sejra l-għassa tal-Imsida u għalhekk lil Smith ħadu hemm. Qal ukoll li hemmhekk imbagħad li sar it-test tal-breathalyser fejn immarka 109/100mg, li skont ix-xhud, kien ifisser li l-livell tal-alkoħol kien madwar tliet darbiet iktar minn dak permissibbli. Ix-xhud żied li Smith beda jtemtem u miegħu tkellem bl-Ingliż u bil-Malti u anke qallu li jifhem bil-lingwa Maltija.

Pulizija ieħor li xehed kien il-Kuntistabbli Kevin Camilleri, stazzjonat mar-Rapid Intervention Unit, li qal li hu kien qed jagħmel xi xogħol fl-uffiċċju meta kien infurmat bl-inċident. Hu mar fuq il-post fejn sab erba’ kollegi tal-RIU ħdejn il-mina ta’ Triq Reġjonali, ra l-Mercedes u l-Vauxhall ipparkjati fil-ġenb u lil Smith arrestat. Hemmhekk kien infurmat li Smith kien fis-sakra u li kien ipprova jħebb għax-xufier tal-Ministru Mallia. Il-Kuntistabbli Camilleri qal li hu ta ordni biex tingħalaq il-karreġġjata għax kien għaddej it-traffiku u spjega kif lil Smith rah xurban u beda jixxengel. Hu żied li Sheehan infurmah li l-isparatura ma kinietx seħħet hemm u wara li qallu fejn, bagħat Pulizija oħra biex ifittxu fuq il-post.

Fi tmiem il-kumpilazzjoni, il-Maġistrat Bugeja laqa’ t-talba tad-Difiża biex il-ħin ta’ kemm Sheehan jista’ jdum barra, jiżdied sal-11.30pm. Meta fit-12 ta’ Diċembru Sheehan inħeles mill-arrest, waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu kienet li hu jkun id-dar bejn id-9.00pm u s-7.00am.

Il-kawża se tkompli fis-6 ta’ Frar li ġej. Dakinhar mistennija jkomplu jixhdu iktar pulizija. Il-Posekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Alexandra Mamo u l-Ispettur Saviour Baldacchino waqt li Sheehan għandu jiddefendih lill-Avukat Edward Gatt.