Internazzjonali

Ribelli jaħtfu l-palazz presidenzjali fil-Jemen

Xhieda fissru kif ribelli Xija Houthi fil-Jemen daħlu u ħadu l-kontroll tal-palazz presidenzjali fil-kapitali Sanaa.

Il-Kurunell Saleh al-Jamalani, il-kmandant tal-forza li tgħasses lill-President Abdrabbuh Mansour Hadi, iddeskriva dan l-assalt bħala “kolp ta’ stat”.

Kien rappurtat li l-President Hadi ma kienx fil-palazz presidenzjali, iżda r-residenza tiegħu f’parti oħra tal-belt ukoll tinsab taħt attakk.

Il-Jemen, alleat prinċipali tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra l-al-Qaeda fir-reġjun, ħabtet wiċċha ma taqlib politiku u vjolenza għal xhur sħaħ.

Milizzji Houthi ħadu l-kontroll ta’ Sanaa f’Settembru wara li ħarġu ‘l barra mill-qagħda tagħhom fit-Tramuntana tal-Jemen, iżda l-kumpless presidenzjali fin-Nofsinhar ta’ Sanaa baqa’ ‘l barra mill-kontroll tagħhom.

Il-Kurunell Jamalani qal lill-ġurnalisti li r-ribelli li daħlu fil-kumpless kienu megħjuna minn nies ta’ ġewwa u kienu qed jisiru l-armi minn maħżen fil-palazz stess.

Ir-ribelli ħatfu lil Ahmed Awad Bin Mubarak, iċ-Chief-of-Staff tal-President Hadi, nhar is-Sibt.