Ekonomija Internazzjonali

Tbassir għal ekonomija li tikber fir-Renju Unit għax il-poplu se jkollu aktar flus fil-but wara r-roħs fil-prezzijiet taż-żejt

Ir-roħs ta’ madwar 50% fil-prezz taż-żejt minn kif kien f’Ġunju li għadda se jfisser li l-ekonomija Ingliża se tikber bi 2.9% fl-2015. Dan ifisser żieda ta’ 0.5% fuq l-istimi uffiċjali li kienu saru f’Ottubru u f’Diċembru li għaddew.

EY ITEM Club, li hu meqjus fost l-ewlenin għat-tbassir ekonomiku, qal li l-ekonomija Ingliża se tikber aktar milli prevvist minħabba li l-prezz imraħħas taż-żejt se jfisser li l-poplu se jkollu aktar flus fil-but. Fl-Ingilterra, il-prezz internazzjonali taż-żejt wassal biex il-petrol mingħajr ċomb niżel fl-orħos livell li qatt kien fl-aħħar ħames snin.

EY ITEM Club qed ibassar li l-istess prezz taż-żejt se jfisser li l-pajjiż se jgawdi fuq diversi livelli. Benefiċċju minnhom hu li r-Renju Unit kollu mhux se jkollu inflazzjoni, anzi fl-ewwel xhur tal-2015 se jara l-ħajja torħos.

Dan se jwassal ukoll biex il-Bank of England ma jgħollix ir-rati ta’ interessi li kien se jgħolli. Ir-rapport jgħid ukoll li l-effett pożittiv tal-prezzijiet imraħħsa se jibqa’ jinħass anke fl-2016 għax ir-rati ta’ interessi se jiżdiedu biss b’0.5% fir-rebbiegħa ta’ sena oħra umbagħad b’żieda baxxa ta’ 0.25% kull tliet xhur fl-2016.