F’konferenza tal-aħbarijiet, li l-mezzi tax-xandir ta’ Media.Link Communications ma kienux mistiedna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei Ivan Falzon u d-Direttur Kliniku ta’ Mater Dei Joseph Zarb Adami ammettew li anzjana mietet fil-kurituri ta’ Mater Dei. Il-każ kien żvelat aktar kmieni llum mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, iż-żewġ kelliema wasslu l-kondoljanzi lill-familja tagħha. Huma qalu li l-awtoritajiet tal-Isptar għamlu minn kollox biex isalvawlha ħajjitha, filwaqt li sostnew li l-apparat mediku kollu kien fil-kuritur.
Skont l-awtoritajiet tas-Saħħa, l-uniku servizz li l-pazjent ma kellhiex waqt li kienet fil-kuritur kienu t-televiżjoni u servizzi simili. Ivan Falzon qal li l-awtoritajiet tas-Saħħa bdew investigazzjoni, għalkemm mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-pazjenta ngħatat it-trattament kollu, inkluż is-CPR.
L-awtoritajiet tas-Saħħa qalu wkoll li ż-żona, f’dan il-każ kuritur, kienet fornuta b’erba’ infermiera ma’ 25 pazjent. Huma sostnew ukoll li fl-ewwel ġimgħatejn ta’ din is-sena, f’Mater Dei daħlu 425 persuna aktar milli daħlu s-sena li għaddiet.
//= $special ?>