Lokali

Aġġornata: L-Isqof Scicluna b’kariga ġdida fil-Vatikan – xorta jista’ jinħatar Arċisqof ta’ Malta

Il-Vatikan illum ħabbar li l-Amministatur Appostoliku ta’ Malta Monsinjur Charles J Scicluna – li bħalissa qed imexxi l-Knisja Maltija sakemm jinħatar l-Arċisqof il-ġdid – ingħata kariga ġdida fil-Vatikan, fl-istess Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fejn diġà kellu diversi karigi importanti, u fejn għadu jservi sal-lum bħala Imħallef.

Imma filwaqt li bejn l-2002 u l-2012 Monsinjur Scicluna serva bħala l-Prosekutur tal-Vatikan f’każi ta’ allegat abbuż sesswali minn membri tal-kleru, issa ġie appuntat biex imexxi istituzzjoni ġdida li waqqaf il-Papa f’Novembru li għadda biex tisma’ l-appelli minn saċerdoti li jkunu qed jiffaċċjaw dawn l-akkużi.

Fi stqarrija tas-Santa Sede li ttellgħet fuq is-sit elettroniku tal-Vatikan, ingħad li l-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ speċjali fi ħdan il-Vatikan li se jistudja l-appelli dwar offiżi serji minn reliġjużi. Il-Kulleġġ se jassigura li l-appelli jiġu eżaminati b’iktar effiċjenza wara li tkun saret riflessjoni dettaljata.

Il-Kulleġġ immexxi mill-Isqof Scicluna bħala President tiegħu se jkollu erba’ Kardinali u żewġ Isqfijiet oħra bħala membri, li se jistudjaw l-appelli mressqa quddiem il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Kardinal u Isqof ieħor ġew nominati mill-Papa bħala membri sostituti tal-istess Kulleġġ.

Kelliem għall-Arċidjoċesi kkonferma ma’ MaltaRightNow.com li din il-kariga ġdida li ġie assenjat fiha mill-Papa mhix se teffetwa l-kariga temporanja tiegħu fit-tmexxija tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u mhux se tirrikjedi li Monsinjur Scicluna jkollu jirritorna lejn Ruma.

Minnu jkun mistenni biss li darba fix-xahar imur il-Vatikan biex imexxi l-laqgħat ta’ dan il-Kulleġġ.

Monsinjur Scicluna qed jissemma fost il-favoriti biex jinħatru bħala suċċessur ta’ Pawlu Cremona li rriżenja f’Ottubru tas-sena l-oħra u anke f’dan il-każ jidher li din il-ħatra ġdida tiegħu mhix se teffetwa din il-possibiltà.

Fil-Vatikan hu diġà serva għal sbatax-il sena sħaħ, mill-1995 sa tliet snin ilu meta kien inħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta biex jassisti lill-Arċisqof Cremona. Eventwalment ingħata l-inkarigu li jamministra l-Knisja Maltija sakemm jinħatar Arċisqof ġdid wara r-riżenja tal-istess Cremona.

F’Ruma, l-ewwel kien Deputat Promotur tal-Ġustizzja fit-Tribunal Suprem tas-‘Segnatura Apostolica’ fi ħdan il-Kurja Rumana, imbagħad mill-2002 sal-2012 serva bħala Promotur tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi taħt it-tmexxija tal-Kardinal Ratzinger li eventwalment laħaq Papa. Meta spiċċa minn din il-kariga ta’ Prosekutur tal-Vatikan, u ġie lura Malta, il-Papa Benedittu XVI kien ħatru Imħallef fl-istess Kongregazzjoni – kariga li għadu fiha sal-lum.

Bejn l-1996 u l-2007 Scicluna mexxa wkoll il-proċess tal-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca.