Lokali

Dettalji ta’ host families Maltin u minorenni jiġru fit-triq fil-Marsa

Fost id-dokumenti kunfidenzjali u sensittivi tal-Gvern li dalgħodu spiċċaw imxerda fi Triq Aldo Moro fil-Marsa, qrib il-fabbrika tas-sulfarini, hemm uħud li juru dettalji personali ta’ host families li ospitaw barranin f’Malta fl-aħħar snin. Għad mhux magħruf kif dawn id-dokumenti spiċċaw f’nofs ta’ triq.

Jirriżulta li l-maġġoranza tad-dokumenti huma mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, b’numru minnhom ta’ persuni mir-Russja u l-Ukrajna li applikaw għall-permess tal-Visa ħalli jkunu jistgħu jżuru pajjiżna. Dawn jinkludu mhux biss dettalji personali tal-persuni li applikaw, iżda wkoll ritratti tagħhom.

Uħud minn dawn il-persuni kienu u għadhom sa llum minorenni. Filfatt ir-ritratt juri waħda minn dawn it-tfajliet li l-Visa tagħha għadha valida. Dan iqajjem tħassib serju għaliex anke’ jekk it-tfajla jista’ jkun li m’għadiex f’Malta, li kieku dan id-dokument spiċċa għand xi ħadd li nzerta kien għaddej mit-triq, dan jagħti lok għal falsifikar ta’ dokumenti oħra.

Uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com ukoll tennew il-biża’ tagħhom li dawn id-dokumenti “fl-idejn il-ħżiena” jistgħu jwasslu għal għal abbuż fl-identità tal-applikanti.

Filfatt, MaltaRightNow.com jinsab infurmat li dokumenti oħrajn laħqu nġabru minn xi persuni li kienu għaddejjin minn din it-triq prinċipali, filwaqt li oħrajn baqgħu mitluqa fis-central strip u l-ġenb tat-triq għax kien diffiċli biex jiġu rkuprati.

Kien propju għalhekk li wara l-istorja ppublikata minn MaltaRightNow, il-pulizija ġew allertati b’din is-sitwazzjoni u bdiet ħidma biex ikun żgurat li l-karti li kienu għadhom fit-triq jitneħħew. Fuq il-post intbagħtu uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit biex jiġu rkuprati d-dokumenti li jista’ jkun għad fadal fi Triq Aldo Moro fil-Marsa.

Persuni li kienu għaddejjin minn din it-triq u raw id-dokumenti mxerrda spjegaw lil MaltaRightNow.com li l-karti fit-triq kienu jinkludu wkoll dokument ieħor maħruġ mill-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit f’Malta b’timbru ta’ Uffiċjal Għoli fil-Korp tal-Pulizija.

L-Uffiċjali tal-Korp li tkellmu magħna qalu li dan hu ksur sfaċċat tal-protezzjoni tal-identità tal-applikanti, kif ukoll ksur tal-Liġi, hekk kif dokumenti sensittivi bħal dawn suppost jiġu maħżuna u f’każ li jkunu antiki jiġu meqruda.