Id-dibattitu li għaddej bħalissa fil-Parlament, dwar l-Enemalta u l-ftehim li l-Gvern iffirma mal-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric, hu dibattitu dwar id-dawl iżda li qed isir fid-dlam. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament, fejn sostna li d-dibattitu qed isir fid-dlam għax il-Gvern irrifjuta ripetatument li jippubblika l-kuntratti li ffirma dwar dak li qed jiġi diskuss.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni u l-kumplament tal-poplu qed isegwi dibattitu bi żvantaġġ għax filwaqt li l-Gvern jaf kollox, aħna ma nafu xejn għax ma ħalliniex naraw il-kuntratti li ffirma. “Tlabnieh għal diversi drabi u baqa’ jwebbes rasu”, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, li sostna li “il-Gvern jidhirlu li mhux fl-interess tal-poplu li nkunu nafu xi ftiehem, x’kuntratti iffirma, x’dokumenti qabel dwarhom u x’rabtiet daħal fihom.
Simon Busuttil qal li r-rabtiet li daħal fihom il-Gvern Laburista se jorbtuna għal dejjem u li diffiċli, jekk mhux impossibbli, treġġagħhom lura anke jekk jirriżulta li jkunu għażliet żbaljati.Sostna li l-Gvern qed jibgħat ukoll messaġġ ċar li l-għajta tat-trasparenza, li tant kien champion tagħha qabel l-elezzjoni, kienet daħka fil-wiċċ.
Tant hu hekk li l-Gvern jaf kollox iżda l-kumplament tan-nies, l-Oppożizzjoni u l-poplu Malti u Għawdxi kollu m’għandux dritt ikun jaf xejn ħlief dak li l-Gvern jidhirlu li għandu jkun jaf. Agħar minn hekk, qal Simon Bususttil, hu l-fatt li la l-Gvern għandu x’jaħbi, sinjal li hemm xi ħaġa tinten. Hu min għandu x’jaħbi li ma jkunx trasparenti u meta tiġi mingħand Prim Ministru li tant ippoża u wiegħed fuq li wiegħed li se jkun trasparenti, tikxef ipokresija liema bħalha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li l-Oppożizzjoni qed tipparteċipa f’dan id-dibattitu mhux għax taċċetta din l-imġieba tal-Gvern, iżda għax trid tiġi hawn biex tikkundannaha. F’isem l-Oppożizzjoni, hu kkundanna l-imġieba tal-Gvern, in-nuqqas ta’ trasparenza tal-Gvern u l-arroganza tal-Gvern, li għalih il-verità mhijiex fl-interess tal-poplu. F’isem l-Oppożizzjoni, reġa’ tenna t-talba li l-Gvern jippubblika mingħajr aktar dewmien u mingħajr aktar skużi l-kuntratti li ffirma u d-dokumenti kollha marbuta magħhom.
Ġie ppubblikat biss dokument delettantesk li ma jista’ qatt ikun ftehim sħiħ dwar bejgħ ta’ Power Station
Simon Busuttil qal li l-unika ħaġa li ppubblika l-Gvern hu biċċa dokument ta’ 15-il faċċata, li bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala kuntratt sħiħ. Kieku kien hekk, allura tabilħaqq għandna Gvern dilettantesk u li ma jafx x’inhu jagħmel. Fisser li ma jista’ qatt ikollok kuntratt ta’ 15-il faċċata dwar bejgħ ta’ Power Station u ta’ 33% tal-assi tal-Enemalta.
Dak li l-Parlament qed jiddiskuti mhuwiex il-ftehim dettaljat li nistennew li tiddiskuti l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għax il-ftehim veru għadu ma jinsabx quddiemna, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ftehim li jirreferi għal ftehimiet oħrajn – imma fejnhom?
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li dak li ppubblika l-Gvern jirreferi għal ftehimiet oħrajn. Staqsa fejnhom dawn il-ftehimiet l-oġrajn. Il-ftehim jgħid li l-kumpanija tal-istat Ċiniż se ddawwar il-power station tal-BWSC għall-gass; imma meta? Il-ftehim jgħid li jista’ jkun hemm ftehimiet kummerċjali oħrajn li jwaqqgħu lil dan. Li qed niddiskutu hu biss karta li ma tiswa xejn ħdejn dak li hemm moħbi jew li qed jinħema.
Ta’ min se nkunu qed nixtru elettriku?
Simon Busuttil staqsa min se jbigħ l-elettriku lil min? Ta’ min se nkunu qed nixtru elettriku? Tal-Gvern Ċiniż? Jew tal-kumpanija Maltija li suppost kellha tlesti power station oħra sa tliet xhur oħra? Il-ftehim dwar kemm u mingħand min se nixtru l-elettriku sar diġà? Jekk ma sarx, il-għala? Jekk sar, fejnu? Dan id-dokument ippubblikat iqanqal aktar mistoqsijiet milli jwieġeb.
Ftehim superfiċjali u dilettantesk
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li dak ippubblikat hu dokument superfiċjali u dilettantesk li hu daqqa ta’ ħarta lill-Parlament Malti u lill-poplu Malti għax il-Gvern li qed jerħi l-kontroll tal-ġenerazzjoni tal-elettriku lil stat barrani fuq il-bażi ta’ ftehim li ma jgħidx liema liġijiet jgħoddu jekk tinqala’ kwistjoni fuq il-ftehim. Staqsa li jekk tinqala’ kwistjoni, liema liġijiet jgħoddu u f’liema qrati rridu mmorru, f’dawk tagħna jew f’dawk Ċiniżi?
Il-kuntest: Gvern li falla fl-aktar wegħda bażika fl-enerġija
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan Gvern li gideb dwar il-bini tal-power station li kellha tkun lesta sa xahrejn oħra. Kien jaf li mhux se tkun lesta u baqa’ jgħid li se tkun. Kull darba Joseph Muscat kien jgħid li l-proġett hu on track, on track, on track meta fil-fatt kien u għadu kompletament off track.
Minflok iwettaq dak li wiegħed, iwettaq dak li ma wiegħedx
Fisser ukoll li dan hu Gvern li mhux biss ma wettaqx dak li wiegħed, imma qed iwettaq dak li ma wigħedx: il-bejgħ tal-power station ewlenija tagħna – tal-BWSC, dik li Muscat kien jgħidilha l-fabbrika tal-kanċer – lil stat barrani. Il-Prim Ministru qatt, imkien, ma wiegħed li jbigħ il-power station tagħna, wisq anqas li jbiegħha lil stat barrani.
Simon Busuttil qal li l-power station tal-BWSC diġà kienet qed tiffrankalna €50 miljun fis-sena qabel raħas iż-żejt. Issa li l-prezz taż-żejt waqa’ b’aktar minn-nofs, ovvjament din qegħda tiffranka bil-wisq aktar. Mela tqum il-mistoqsija, jekk jagħmilx sens li tbiegħ power station ġdida, biex imbagħad xorta se tixtri l-elettriku mingħandha stess. Bil-prezz taż-żejt kif inhu llum u bl-effiċjenza tal-impjant tal-BWSC, l-elettriku wkoll kien jonqos.
Imma dal-Gvern, qal Simon Busuttil qed ibigħ l-impjant tal-BWSC u se jixtri l-elettriku mingħandha stess.
Gideb kbir ukoll dwar l-impjant tal-BWSC
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-bejgħ tal-BWSC hu ksur sfaċċat tal-wegħdiet ta’ Joseph Muscat.
L-Oppożizzjoni titlob għal garanzija fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
Simon Busutil esprima tħassib ukoll għall-ħaddiema tal-Enemalta li kienu qalulhom li mhux biss mhux se jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom, imma wegħiduhom ukoll li t-take home pay tagħhom mhux se tonqos. Anki din kienet gidba u llum il-ħaddiema tal-Enemalta baqgħu imbellħin kif seta’ jkun hemm partit li jgħaddihom biż-żmien b’dan il-mod.
Staqsa fejn hi l-General Workers ‘Union illum? Kif mhix tiftaħ ħalqha? Kif għadha ma qalitx “Issa Daqshekk!” Għaliex insiethom lill-ħaddiema tal-Enemalta? Liema interess qed taqdi l-GWU – l-interess tal-ħaddiema jew l-interess tal-Partit Laburista?
L-Oppożizzjoni qed tinsisti u se tibqa’ tinsisti għal garanzija li ma jintmess l-impjieg ta’ ħadd u li ma jintmissux il-kundizzjonijiet ta’ ħadd, inkuż tat-take home pay.
Dipendenza flok sovranità tal-enerġija
Fisser ukoll kif Malta issa hi dipendenti fuq ħaddieħor f’qasam kruċjali – dipendenti fuq stat barrani għall-power station tagħha stess għax begħethielu u dipendenti fuq kumpanija privata li mhux lestiet power station ġdida f’sentejn; lanqas biss bdietha f’sentejn. L-Enemalta ġiet imneżżgħa għal kollox mill-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Flessibbiltà u libertà għal Malta
L-Oppożizzjoni, qal Simon Busuttil, tħaddan politika differenti; politika fuq l-enerġija li tagħti aktar flessibilità u libertà għal Malta. Jekk hawn min se jinvesti f’power stations hawn Malta, ħa jkun jaf li aħna rridu nżommu l-libertà għal Malta, l-għażla għall-Maltin ta’ x’elettriku nixtru, m’għand min nixtruh u b’liema prezz nixtruh.
L-Oppożizzjoni m’għandna xejn kontra ħadd, imma aħna favur Malta u nfittxu l-interessi tal-Maltin. Diġà għandna u se jkollna sorsi differenti ta’ enerġija ħalli jkollna minn fejn nagħżlu. U minnhom nagħżlu minn fejn nixtru, kemm nixtru, u l-prezz li jaqbel lil Malta.
Il-poplu jħallas għall-falliment ta’ Muscat fl-enerġija
Dan id-dibattitu, kompla jispjega Simon Busuttil, qed isir ukoll f’kuntest fejn il-prezz internazzjonali taż-żejt waqa’ b’aktar minn nofs filwaqt li n-nies għadhom qed iħallsu l-istess prezz għall-petrol u d-diesel. Dan hu dovut għall-falliment tal-politika tal-Gvern Laburista li mhux kapaċi jnaqqas il-prezz tal-petrol u d-diesel biex il-konsumaturi jħallsu prezzijiet kif iħallsu konsumaturi oħra fl-Ewropa.
Għall-Oppożizzjoni, qal Simon Busuttil, dan mhux aċċettabbli. U dan ukoll ikompli jikxef l-ipokresija tal-Gvern li tela’ bl-għajta li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u issa se jħalli l-poplu jħallas prezzijiet għola tal-petrol u d-diesel.
L-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti mal-Gvern li jnaqqas minnufih il-prezz tal-petrol u d-diesel, u se tieħu kull azzjoni meħtieġa sakemm il-Gvern jiġi f’sensih u jraħħas il-prezzijiet illum qabel għada.
//= $special ?>