Lokali

Filmat: Qabadni minn għonqi, tefagħni fl-art u beda jsawwatni – priġunier li ssawwat minn Gwardjan tal-Ħabs

MaltaRightNow.com jitkellem ma’ Jason Decelis, priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li lbieraħ filgħodu ssawwat minn Gwardjan tal-Ħabs

“Qabadni ħiereġ mit-toilet, kellimni ħażin, qabadni minn għonqi, tefagħni fl-art u beda jsawwatni bl-addoċċ. Dan kollu għax dħalt fit-toilet biex nagħmel il-bżonnijiet tiegħi. Riedni u beda jgħidli li jmissni nagħmel fl-art fir-rokna taċ-ċella tiegħi, fejn kulma hemm hi toqba żgħira mħaffra fl-art. Imnalla kienu l-Pulizija tal-SRT, li mill-ewwel ġew u qabżu fuqu biex ma jkomplix isawwatni għax kieku kienu iħassarni”.

Dan qalu Jason Decelis f’intervista esklussiva ma’ MaltaRightNow.com fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Decelis, ta’ 37 sena minn Santa Luċija, bħalissa hu priġunier fil-Faċilità Korrettiva biex jiskonta sentenza ta’ 25 sena priġunerija. Hu qal li dan l-inċident ta’ swat minn Gwardjan seħħ ilbieraħ filgħodu, ftit tal-ħin wara li l-Gwardjan fetaħlu ċ-ċella u hu mar fit-toilet tal-Uffiċjali.

Dwar dan il-każ, morna fil-Faċilità Korrettiva biex niltaqgħu ma’ Jason. Akkumpanjat minn missieru Charles Decelis, stajna nitkellmu miegħu dwar din l-esperjenza qarsa li għadda minnha. MaltaRightNow.com tkellem ukoll ma’ Charles dwar din il-ġrajja kerha li għadda minnha ibnu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dwar dan l-allegat inċident serju ta’ swat minn Gwardjan fil-Ħabs sar rapport lill-Pulizija, li bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha. Dwar l-istess każ inħatret ukoll Inkjesta Maġisterjali, li qed titmexxa mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.