Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern ma jgħidx kemm ġew ikkurati pazjenti fil-kurituri ta’ Mater Dei

Il-Gvern ma qalx kemm kienu l-pazjenti li ġew ikkurati fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei f’Novembru u f’Diċembru tas-sena l-oħra, u matul dan ix-xahar ta’ Jannar.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi, qal fil-Parlament għal mistoqsija tax-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei kienet imfissra mix-Shadow Minister bħala sitwazzjoni gravi li qatt ma kien fiha qabel l-Isptar, fejn saħansitra laħqet livelli straordinarji hekk kif matul din il-ġimgħa seħħ każ ta’ pazjenta li mietet f’wieħed mill-kurituri li ma kienx attrezzat biex jilqa’ pazjenti.

Il-każ mill-aktar inkwetanti kien żvelat mix-Shadow Minister stess ilbieraħ, u li seħħ fil-kuritur tal-Emerġenza li jagħti għad-Dipartiment tal-Medical Imaging.