Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, fi stqarrija, staqsa jekk il-“ġenoċidju tal-abort” fid-dinja għandux jibqa’ jitħalla.
Ikkwota ċifri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li fid-dinja jsiru bejn 40 u 50 miljun abort kull sena, u li jfissru 125,000 abort kuljum. Dawn qed iwasslu biex imutu bejn 70,000 u 200,000 omm fis-sena, inkluż minħabba interventi li jsiru f’kundizzjonijiet mhux siguri.
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa staqsa xi jwassal għall-għażla tat-terminoloġija użata minn dawk li jinsistu li l-omm għandu jkollha l-għażla jew le jekk twettaqx abort. Staqsa jekk jagħmilx sens li tarbija fil-ġuf tibqa’ mhux imħarsa waqt li meta titwieled din takkwista drittijiet.
Fl-istess ħin, il-Kunsill qed jinsisti li t-terminoloġija “favur l-għażla” ma tagħmilx sens għaliex fil-verità s-soċjetà għandha numru ta’ liġijiet li huma “kontra l-għażla” bħal fil-każ ta’ stupru, qtil, vjolenza, serq, sewqan b’veloċità eċċessiva, sewqan taħt influwenza tal-alkoħol u anke t-tipjip.
Il-Kunsill qed jgħid li dawn il-liġijiet ineħħu l-protezzjoni legali minn għażla biex jipproteġu għażliet fundamentali waqt li “jillegalizzaw il-moralità”. Dan iwassal biex isiru liġijiet kontra d-dritt ta’ għażliet personali jekk dawn jaffettwaw b’mod ħażin il-ħajja ta’ persuna oħra.
Għalhekk, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa staqsa kemm se ddum id-dinja ma tistaqsi lilha nnifisha kif tħalla jsir ġenoċidju tal-abort għal daqshekk żmien.
//= $special ?>