Lokali Qorti

Leisure Clothing: Bin Han kien jieħu €30,000 fis-sena f’‘performance bonus’

Waqt li numru ta’ ħaddiema Vjetnamiti kienu jitħallsu €140 kull xahrejn meta kienu mwegħda li se jingħataw €680 fix-xahar, Bin Han, id-direttur tal-kumpanija Leisure Clothing kien jieħu madwar €30,000 kull sena f’performance bonus.

L-Ispettur Joseph Busuttil, l-investigatur ewleni fil-każ dwar l-allegat traffikar ta’ persuni u sfruttament ta’ ħaddiema f’Leisure Clothing, xehed fil-Qorti fil-kumpilazzjoni ta’ Bin Han u Jia Liu, żewġ diretturi Ċiniżi ta’ Leisure Clothing, mixlija bi traffikar ta’ persuni, sfruttar ta’ ħaddiema u li ssekwestrawhom b’mod li naqsulhom il-libertà tagħhom.

F’xhieda separata, is-Surġent Bernardette Vella, li wkoll investigat il-każ, qalet li meta l-Pulizija marret tagħmel tfittxija fid-dar ta’ Bin Han, sabet bosta dokumenti fosthom uħud relatati mal-ħaddiema Vjetnamiti u ma’ banek. Semmiet kif sabu wkoll konvenju li fih Bin Han u l-Membru Parlamentari Laburista Marlene Farrugia qablu dwar bejgħ ta’ proprjetà fil-Belt li kienet tiswa €537,000 u anke ftehim iffirmat ma’ shop steward tal-GWU.

Mix-xhieda tal-Ispettur Busuttil dwar l-investigazzjoni li għamlet il-kollega tiegħu Sylvana Briffa, hu qal li l-investigazzjoni bdiet b’rabta ma’ erba’ Vjetnamiti li allegaw li ġew ittraffikati lejn Malta. Semma li ftit wara sar jaf li kien hemm ħames Vjetnamiti oħra li bdew jallegaw affarijiet simili u għalhekk il-Pulizija kellmet lilhom ukoll. Dawn sostnew li għalkemm suppost kellhom jitħallsu l-paga minima u s-sahra, kienu qed jingħataw biss €150 kull xahrejn.

Il-ħaddiema qalulu wkoll li minkejja dawn il-kundizzjonijiet, Bin Han talabhom biex jekk riedu jibqgħu jaħdmu mal-kumpanija kellhom jiffirmaw dikjarazzjoni li tgħid li kienu kuntenti. Kien anke wegħdhom li kienu se jitħallsu l-flus dovuti.

L-Ispettur qal li hu kellu informazzjoni li Bin Han kien se jsiefer lejn Ruma u peress li l-każ kien spiċċa fuq il-mezzi tax-xandir beża’ li dan seta jaħrab. Għalhekk kien ġie deċiż li jiġi arrestat fil-jum li kellu jsiefer, jiġifieri fid-29 ta’ Ottubru 2014.

Mix-xhieda tal-Ispettur ħareġ kif il-Pulizija għamlet tfittxija fir-residenza ta’ Bin Han, fil-fabbrika u fid-dormitorji fejn kienu jorqdu l-ħaddiema. Kienu anke ġew arrestati xi uffiċjali tal-kumpanija. Il-ħaddiema sfruttati kienu jaħdmu bħala machine operators li kienu jibdew xogħol fis-7.00am u jibqgħu għaddejjin sad-9.00pm u ġieli aktar, għalkemm xorta kienu jitħallsu inqas mill-paga minima.

Ix-xhud qal li l-visas u l-permessi tax-xogħol tal-ħaddiema kienu jitteħdulhom u qatt ma kienu jarawhom kemm idumu f’Malta. Kien irriżultalu wkoll li qabel jiġu Malta, il-ħaddiema kienu jiġu murija kuntratt bil-Vjetnamiż fejn il-kundizzjonijiet tagħhom kienu simili għal dawk tal-ħaddiema f’Malta. Imma wara li jiffirmawh u jkunu se jaslu f’Malta, kienu jiġu murija kuntratt ieħor miktub bil-Vjetnamiż u biċ-Ċiniż u mġiegħla jiffirmawh ta’ malajr anke jekk dan ma kellux l-istess kundizzjonijiet bħal tal-ewwel.

Waqt li fl-ewwel kuntratt kien ikun hemm miktub li se jaqilgħu €680 fix-xahar, fit-tieni tissemma l-figura ta’ €140 kull xahrejn. Jekk magħhom tgħodd il-bonuses lanqas tasal għal nofs il-paga minima.

L-Ispettur Busuttil qal ukoll li huwa ħa stqarrija rrekordjata b’filmat lil Bin Han fejn dan qallu li l-ħaddiema kienu jaħdmu sa 60 siegħa fil-ġimgħa, kellhom is-Sibt off, is-sahra kienet titħallas bit-time-off in-lieu, kellhom ukoll is-sick leave u kuljum kienu jingħataw tliet brejks li b’kollox jammontaw għal siegħa u tliet kwarti.

Bin Han qallu wkoll li l-passaporti tal-ħaddiema kienu jinżammu mill-management sakemm il-kumpanija tara x’inhi l-intenzjoni tagħhom, għax beżgħet li jaħarbu, waqt li kien sostna miegħu li jekk jaħarbu riedhom imur lura pajjiżhom u mhux lejn pajjiż fiż-żona Schengen.

L-Ispettur Busuttil qal li meta kien staqsa x’kien jiġri li kieku l-ħaddiema kollha talbu l-flus dovuti lilhom, Bin Han kien wieġbu li kien jitlob lill-kumpanija omm tagħtihom iktar flus jew lill-BOV biex jislifhom iktar.

Dwar jekk il-ħaddiema kienux jitħallew isibu post alternattiv li kieku ma riedux jibqgħu jgħixu fid-dormitorju, Bin Han wieġbu li kieku t-talba saret minn persuna waħda kien jaħsibha imma kieku kull barrani mar jagħmel din it-talba ma kienx jaċċetta.

Bin Han ċaħad li kien jaf li l-kumpanija kienet qed tinvesti flus il-ħaddiema u sostna li anke l-flus tiegħu kienu qed jinbidlu f’kapital. Huwa ċaħad ukoll li kellu kuntatt mal-aġent li kien iġib il-ħaddiema f’Malta kif ukoll li kien jaf bl-ewwel kuntratt.

Ix-xhud semma kif Bin Han kien qallu li huma kienu jġibu l-ħaddiema miċ-Ċina imma meta l-pagi tagħhom żdiedu bdew iġibu ħaddiema mill-Vjetnam anke jekk ma kienx kuntent bihom. Fi stqarrija oħra, Bin Han kien qal lill-istess Spettur li l-kumpanija qatt ma kellha kuntatt dirett mal-Vjetnam imma ma’ aġent Ċiniż għalkemm ma kellux dettalji tiegħu.

Dwar jekk ħassx il-bżonn li jbiddel is-sistema ta’ kif il-kumpanija kienet tittratta mal-ħaddiema, Bin Han kien wieġeb li hu kien sempliċi direttur u kien hemm sid fuqu. Kien semmielu wkoll kif il-kumpanija kienet għamlet rapport mal-Pulizija wara li xi ħaddiema ħarbu u ħallew il-passaporti fid-dormitorju fejn kienu jorqdu.

Xehdet ukoll is-Surġent Bernardette Valletta li spjegat kif segwiet lill-ħaddiema tal-kumpanija fejn rat grupp minnhom ħiereġ bi skutella f’idhom imbagħad aktar tard ħarġu b’borża sewda li tefgħuha fi skip. Hi semmiet kif flimkien ma’ żewġ uffiċjali oħra tal-Pulizija marret fid-dar li Bin Han għandu f’Santa Venera. Għall-ewwel sabu l-post imdallam u ċemplu lil Bin Han biex imur fuq il-post. Xehdet li xħin wasal, kien staqsiha jekk il-Gvern Malti kienx jaf li kienu daħlu fid-dar tiegħu u hi weġbitu li kienet taħdem għall-Gvern Malti. Ix-xhud qalet li fil-post kien hemm mara li Bin Han qal li kienet il-fattiga u li ma kinitx titkellem bl-Ingliż. Iktar tard, kien qalilha li kien ilu f’relazzjoni mal-mara erba’ snin u li kienet taf titkellem bl-Ingliż. Ix-xhud semmiet ukoll kif fuq il-post sabu fost l-oħrajn bagalja li kien fiha xi ħwejjeġ.

Fis-seduta xehdu wkoll is-Surġent Ivan Camilleri u l-Kuntistabbli Johann Schembri li urew ritratti meħudin tal-kumpanija u tal-postijiet fejn kienu jgħixu l-ħaddiema.

Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat Peralta talab lill-Prosekuzzjoni u lid-Difiża biex sad-9 ta’ Frar li ġej jippreżentaw nota ta’ osservazzjoni dwar jekk s’issa hemmx prima facie provi biżżejjed ta’ traffikar ta’ bnedmin.

F’dan il-każ il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Sylvana Briffa waqt li l-uffiċjali tal-Leisure Clothing għandhom jiddefenduhom lill-avukati Edward Gatt u Pio Valletta. Fil-każ qed jidhru bħala parte civile fl-interess tal-ħaddiema, l-avukati Lara Dimitrijevic u Katrine Camilleri.