Id-Deputata Laburista Marlene Farrugia qajmet dubji dwar il-ftehim iffirmat dwar il-bejgħ tal-Enemalta mal-istat Ċiniż, u għamlet numru ta’ mistoqsijiet dwar il-kompetittività.
Meta tkellmet fid-dibattitu tal-Parlament illejla, Marlene Farrugia qalet li lil hinn mill-battibekki bejn naħa u oħra fil-Parlament, jibqa’ l-fatt li dan hu kuntratt importanti għax se jgħaddi l-qasam tal-enerġija minn idejn il-Gvern f’idejn kumpaniji oħrajn.
Għalhekk staqsiet x’inhuma l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni li l-ġenerazzjoni tal-enerġija issa mhix se tibqa’ f’idejn il-Maltin, u qalet ukoll li qed tistenna risposta mingħand il-Ministru Konrad Mizzi meta se ssir il-bidla mill-Heavy Fuel Oil (HFO) għall-gass – xi ħaġa li, fakkret Farrugia, kien imwiegħed li ssir immedjatament. Staqsiet ukoll xi jfisser dak li hemm fil-mozzjoni meta tgħid li Malta se tkun operatur reġjonali fil-qasam tal-enerġija.
Marlene Farrugia qalet ukoll li l-poplu għandu jkun jaf kif se titjieb il-kompetittività meta minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt raħas b’50%, it-tariffi tad-dawl u l-ilma tnaqqsu b’25%. “Li jfisser li f’pajjiżna għadu jitħallas prezz ogħla li jista’ jnaqqas il-kompetittività”, qalet Farrugia waqt li talbet spjegazzjoni għal dan.
F’intervent li għamel aktar kmieni fid-dibattitu, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar dak li sejjaħ bħala ottimiżmu għall-futur tal-Enemalta li qal fl-aħħar tinsab fuq saqajha.
Ikkritika l-mod kif l-Oppożizzjoni qed tħares lejn is-settur tal-enerġija u lejn l-istabbiltà fil-prezzijiet u qal li l-poplu jista’ jserraħ rasu mill-prezzijiet fuq mhedda ta’ snin.
Muscat qal li l-Gvern qed ibaxxi l-prezzijiet iżda wkoll jistabbilixxi l-prezzijiet.
//= $special ?>