Appell għal miżuri konkreti fil-ġlieda kontra l-faqar
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella lill-Gvern u lill-Parlament biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tkun indirizzata l-faxxa, li dejjem qed titwessa’, ta’ familji u nies vulnerabbli li qed jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, tkellem fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament dwar il-ġlieda kontra l-faqar u qal li għalkemm m’hawnx tallaba fit-toroq, il-faqar jeżisti f’pajjiżna wkoll u hi responsabbiltà tal-politiċi u tal-Gvern li jaħdmu biex il-faqar f’pajjiżna jonqos.
Hu opportun li llum nibdew inwettqu politika konkreta u serja biex ngħinu lil dawk li huma fir-riskju tal-faqar.
Il-Parlament għandu wkoll responsabbiltà xi jġorr biex innaqqsu l-faqar u li janalizza l-aspetti diversi ta’ faqar f’pajjiżna.
Tkellem ukoll dwar l-isfidi ewlenin tal-faqar fosthom in-nuqqas ta’ ugwaljanza fid-dħul għall-familji; in-nuqqas ta’ xogħol u xogħol b’pagi baxxi; ix-xogħol prekarju, in-nuqqas ta’ edukazzjoni u nuqqas ta’ servizzi soċjali adegwati. Appella biex nagħtu kas ta’ dawn l-isfidi u biex niġġieldu l-faqar u l-eskluzjoni soċjali.
Stephen Spiteri semma kif fost il-miżuri konkreti biex niġġieldu l-faqar, hemm it-titjib fil-potenzjal ta’ żvilupp, fil-kompetittività u fl-istabbiltà finanzjarja, it-titjib fil-ħolqien tax-xogħol anke bl-inklużjoni tan-nies u gruppi vulnerabbli bħalma huma persuni b’diżabbiltà. Jeħtieġ li jkollna wkoll attrazzjoni akbar lejn id-dinja tax-xogħol biex dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol ma jitilfux il-benefiċċji soċjali, u titjib fis-sistemi edukattivi u taħriġ.
Irid ikun hemm ukoll impenn biex anqas studenti jitilqu kmieni mill-iskola u dan biex ir-riżorsa umana adegwata tkun aħjar u tgħin lill-pajjiż jattira xogħol ta’ kwalità li jġib ukoll titjib fil-pagi u fid-dħul għall-ħaddiema u l-familji.
Id-Deputat Nazzjonalista semma wkoll kif għandu jkun hemm promozzjoni ta’ riġenerazzjoni tal-komunità u aktar djar adegwati għal nies f’din il-faxxa ta’ riskju ta’ faqar li jkunu jifilħu wkoll għalihom mingħajr piż żejjed.
Tkellem ukoll favur l-anzjanità attiva, l-inklużjoni tal-anzjani fis-soċjetà, it-titjib fil-kura fit-tul u linippromwovu u nedukaw biex il-poplu jilqa’ kontra l-mard biex noħolqu sitwazzjoni fejn is-saħħa dejjem tiġi l-ewwel.
//= $special ?>