Kummerċ Lokali

Virtu Ferries iniedu sistema iktar faċli għall-ivvjaġġar

Virtu Ferries għadhom kemm ħabbru inċentivi li jagħmlu l-ivvjaġġar bil-baħar bejn Malta u Sqallija iktar faċli.

Bit-tnedija tal-politika l-ġdida “Keep it Simple”, Virtu Ferries mhux se jwaħħlu penali għal min ma jużax il-biljett tal-passiġġier li jkun diġà mixtri. Mhux se jkollhom penali għal min ibiddel isem għal biljett diġà mixtri, kemm jekk dan ikun għal passiġġier u anke jekk ikun għal vettura u sewwieq, u anke għal min ibiddel id-data tal-vjaġġ.

Qed iħabbru wkoll li żewġt itfal taħt l-14-il sena se jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’xejn ma’ żewġ adulti li jħallsu biljett, waqt li qed idaħħlu rati mraħħsa ferm għal vetturi kummerċjali ta’ iktar minn 5 metri.

Bil-politika l-ġdida, Land Rovers li huma rreġistrati bħala vetturi kummerċjali, trakkijiet pick-up u minivans tal-passiġġieri se jibdew iħallsu t-tariffa ta’ vetturi mhux kummerċjali.