Żewġt irġiel mill-Kottonera ġew illiberat bil-kundizzjoni wara li nstabu ħatja li fl-2011 ikkaġunaw feriti gravi fuq raġel wara li ħebbew għalih f’każin tal-banda f’Bormla u barra l-każin.
Il-vittma kien sofra minn ġrieħi gravi permanenti f’wiċċu permezz ta’ flixkun tal-birra.
Oscar Calafato ta’ 40 sena mill-Birgu u Noel Aquilina ta’ 41 sena minn Bormla nstabu ħatja li fis-7 ta’ Mejju 2011, għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ filgħodu, fil-każin tal-banda San Ġorġ, ħebbew għal Marco Mamo u kkaġunawlu feriti gravi kif ukoll li kissru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Aquilina nstab ħati wkoll li kiser sentenza mogħtija mill-Maġistrat Myriam Hayman f’Novembru tal-2009, sentenza oħra tal-Maġistrat Audrey Demicoli li kienet ngħatat f’Diċembru tal-istess sena, u li sar reċidiv wara li kiser sentenza mogħtija mill-Maġistrat Lawrence Quintano fejn kien ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 14-il xahar.
Mill-provi mressqin quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke rriżulta li ż-żewġ akkużati kellhom argument ma’ Ritianne Bugeja, li tiġi oħt Calafato, u l-vittma daħal f’nofshom bil-konsegwenza li spiċċa fl-idejn mal-istess akkużati.
Wara li fuq struzzjonijiet tal-pulizija li ssejħu fuq il-post, il-vittma telaq mill-każin, ftit tal-ħin wara rritorna u reġa’ ġie fl-idejn mal-ħatja.
Il-Maġistrat qalet li hu minnu li ż-żewġ akkużati ġew ipprovokati mill-vittma meta dan reġa’ mar fuq il-post, madankollu ma qablitx magħhom li huma kienu qed jiddefendu lilhom innfushom għax setgħu baqgħu fil-każin u mhux joħorġu jkomplu jiġġieldu barra.
Hi għalhekk sabithom ħatja tal-akkużi. Waqt li illiberat lil Calafato bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena, lil Aquilina illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li Mamo ħafer lill-agressuri tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri.
//= $special ?>