Edukazzjoni Lokali Parlament

2,500 impjieg f’sena mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

1,361 persuna minnhom b’impjieg fuq kuntratt definit

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol impjega kważi 2,500 impjieg matul is-sena li għaddiet, li 1,361 minnhom fuq kuntratt definit biex jaħdmu part-time fiċ-ċentri tal-Klabb 3-16 u Skola Sajf 2014.

Meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Carmelo Abela, il-Ministru Evarist Bartolo qal li mis-618-il persuna impjegati fid-Direttorati u Dipartimenti, 467 ġew impjegati bħala għalliema, Supply Teachers, Supply Learning Support Assistants u Supply Kindergarten Assistants fl-iskejjel. Kien hemm ukoll l-impjieg ta’ 40 Edukaturi tal-Adulti fuq bażi part-time mad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja.

Fl-entitajiet li jiffurmaw parti minn dan id-dekasteru, ħlief għall-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES), fl-2014 ġew impjegati 381 persuna, fosthom 81 mal-MCAST, 101 mal-Università ta’ Malta, u 156 mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC), li 143 minnhom fuq kuntratt definit.

Rigward l-FES, fl-2014 din il-Fondazzjoni impjegat 131 persuna bħala external recruits kemm full-time kif ukoll part-time, u wkoll 1,361 persuna li ġew ingaġġati fuq kuntratt definit bejn l-1 ta’ Ġunju 2014 u t-30 ta’ Settembru 2014 sabiex jaħdmu fuq bażi part-time fiċ-centri tal-Klabb 3-16 u Skola Sajf 2014.