Lokali

Aġġornament 9: Riżultati negattivi għall-ebola, imut wieħed mill-immigranti l-oħrajn fl-Isptar, il-FAM isalvaw 87 immigrant

5.25pm: Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalu lil MaltaRightNow.com li rriżultaw negattiv it-testijiet tat-tliet immigranti irregolari li ddaħlu l-Isptar Mater Dei b’suspett li kellhom l-ebola. Huma kkonfermaw ukoll li l-immigrant irregolari li miet fl-Isptar hu wieħed minn ħamsa oħra li ddaħlu għall-kura medika wara l-vjaġġ.

Aktar kmieni …
4.40pm: Il-Pulizija ħabbret li miet wieħed mill-immigranti irregolari li fis-sigħat li għaddew kien qed jingħata kura fl-Isptar Mater Dei. Mill-ewwel kien magħruf li dawn l-immigranti irregolari kienu f’kundizzjoni ta’ saħħa kritika wara l-vjaġġ twil li kienu għadhom kif temmew f’pajjiżna. Għaldaqstant, infetħet Inkjesta Maġisterjali.

Sadanittant, il-Pulizija ħabbret ukoll li b’kollox hemm tmien immigranti irregolari li jinsabu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ aktar kmieni sar magħruf li tlieta mill-immigranti li ddaħlu l-Isptar qed jiġu eżaminati dwar l-ebola.

2.25pm: Tliet immigranti irregolari qed jinżammu l-Isptar Mater Dei, fejn qed isirulhom testijiet dwar l-ebola. Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-awtoritajiet tal-Isptar wara l-wasla tal-grupp ta’ 87 immigrant irregolari aktar kmieni llum.

Huma spjegaw li t-tliet immigranti li qed jinżammu l-Isptar qegħdin f’riskju baxx li jistgħu jkunu pożittivi, bl-awtoritajiet jgħidu lill-ġurnalisti li aktar tard waranofsinhar mistennija joħorġu r-riżultati għat-testijiet li saru fuqhom. Spjegaw li l-immigranti fl-Isptar jinsabu f’kundizzjoni kritika minħabba l-vjaġġ li għamlu.

Barra minhekk, spjegaw ukoll li l-kumplament tal-immigranti qed jinżammu kwarantina għal 21 jum u fuqhom se jsiru aktar testijiet mediċi.

Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiet sar magħruf li d-dgħajsa bl-immigranti telqet mil-Libja u fuqha kien hemm 20 immigrant ieħor li mietu matul il-vjaġġ u ntefgħu l-baħar mill-immigranti stess.

12.30: Hekk kif issa kollox lest biex jibdew l-eżamijiet mediċi fit-tinda li ttellgħet apposta, l-immigranti irregolari bdew jitniżżlu minn fuq il-Patrol Boat tal-Forzi Armati. Madankollu, uħud mill-immigranti irregolari ttieħdu immedjatament l-Isptar Mater Dei permezz ta’ Ambulanza biex jingħataw il-kura medika.

11.20am: F’Xatt it-Tiben, il-Forzi Armati għadhom kif tellgħu tinda, li fiha mistennija jsiru t-testijiet mediċi neċessarji u marbuta mal-possibbiltà tal-ebola. Dan qed isir biex jittieħdu kull prekawzjoni possibbli, bl-awtoritajiet qed jitolbu għall-kawtela. Sadanittant, l-immigranti qed jingħataw l-ilma, waqt li għadhom abbord il-Patrol Boat tal-FAM.

11.10am: F’dawn il-ħinijiet, l-immigranti għadhom qed jinżammu abbord il-Patrol Boat P22 tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan hekk kif qed issir analiżi medika tal-immigranti abbord, fl-istess waqt li waslet ukoll ix-xarabank tal-Pulizija. Hu mifhum li l-immigranti li jgħaddu mit-test mediku se jittieħdu kwarantina.

Madankollu, fil-post qed jidher ċaqlieq fis-sens li jista’ jkun tittella’ xi forma ta’ struttura temporanja. Biex jgħinu fil-ħidma, waslu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

10.45am: MaltaRightNow.com jinsab infurmat li huma erbgħa l-immigranti irregolari li jinsabu f’kundizzjoni kritika, filwaqt li kienu ftit aktar minn 20 dawk li mietu matul il-vjaġġ u ntefgħu fil-baħar mill-immigranti irregolari l-oħrajn li kienu abbord.

10.10am: F’dawn il-ħinijiet qed jiddaħħlu abbord il-Patrol Boat P22 f’Xatt it-Tiben 87 immigrant irregolari li fis-sigħat li għaddew kienu interċettati ‘l barra mil-Lvant ta’ Malta. L-immigranti irregolari, li huma kollha rġiel, ġejjin mill-Afrika Ċentrali, il-maġġoranza tagħhom mill-Ghana. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Maltin ħadu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex isiru t-testijiet dwar l-ebola. L-awtoritajiet qalu lill-ġurnalisti li l-proċduri se jsiru minħabba l-pajjiżi li ġejjin minnhom.

Madankollu, MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-awtoritajiet qed jissuspettaw li xi immigranti irregolari minnhom jista’ fil-fatt ikunu infettati mill-ebola. Għaldaqstant, il-membri tal-Forzi Armati li hemm fil-post jinsabu fl-ilbies massimu relatat mal-ebola. Barra minhekk, l-informazzjoni li għandna tgħid li anke l-Isptar Mater Dei jinsab ippreparat għal kwalunkwe ċirkostanza. Ninsabu infurmati wkoll li, fost l-oħrajn, ittellgħet ukoll it-tinda li ntużat fil-ġimgħat li għaddew għall-provi li saru.

Jirriżulta li minbarra s-87 immigrant abbord, kien hemm ukoll uħud oħrajn li mietu matul il-vjaġġ u ntefgħu l-baħar mill-immigranti stess. Barra minhekk, hu mifhum li xi immigranti irregolari jinsabu f’qagħda kritika.

9.10am: Wara xhur sħaħ li fihom ma kellna l-ebda wasliet ta’ immigranti f’pajjiżna, il-Forzi Armati Maltin (AFM) dalgħodu kienu imsejħa ‘il barra mill-kosta Maltija sabiex jagħtu assistenza lil dinghy li fuqu kien hemm madwar 80 immigrant irregolari.

Jidher li fuq dan id-dinghy oriġinarjament kien hemm 100 ruħ, iżda hu maħsub li 20 immigrant tilfu ħajjithom fil-vjaġġ lejn l-Ewropa.

Mill-ewwel rapporti jirriżulta li l-immigranti kienu ilhom numru ta’ ġranet bejn sema u ilma.